Dan huwa proprju l-aħħar blog tas-sensiela ‘Id-Dipressjoni u s-Sess’. Din id-darba se naqsam magħkom xi ftit punti ta’ kif wieħed jista’ jgħin lis-sieħeb jew sieħba tiegħu/tagħha. Dawn il-punti huma applikabbli għal kull tip ta’ koppja, kemm jekk straight u anke gay. Ara ġejjin:

-Prova tgħidx li inti tifhem dak li l-partner tiegħek għaddej/għaddejja minnu. Minflok ibda għid xi ħaġa hekk: ‘Jien ma nafx eżattament kif qed tħossok, imma qiegħed nagħmel ħilti biex inkun miegħek u ngħinek’.

-Ħafna nies li jkunu għaddejjin minn żmien ta’ dipressjoni jitilfu l-interess fis-sess. Ipprova ftakar li l-kawża wara dan mhux neċessarjament relatata ma’ xi raġuni personali, imma probabbli hija aktar relatata mad-dipressjoni.

-Tiddisprax. Se jkun hemm jiem fejn tħoss li l-imħabba tiegħek għas-sieħeb tiegħek ma jidhirx li tagħmel differenza jew effett. Agħmel kuraġġ! L-imħabba u l-appoġġ kostanti tiegħek għandujkun ta’ għajnuna kbira biex tipperswadi lill-partner tiegħek li huwa/hija prezzjuż/a u ta’ valur.

-Huwa importanti li tinkoraġġixxi lill-partner tiegħek biex j/tikseb l-għajnuna professjonali. Illum il-ġurnata hawn bosta alternattivi għall-antidipressivi u l-kalmanti u anke xi terapiji li jistgħu jgħinu bħal ‘Cognitive Behavioural Therapy’. Din il-psikoterapija taħdem ħafna fuq il-ħsibijiet, l-emozzjonijiet u l-imġiba. Din hija l-iżjed forma ta’ psikoterapija effettiva għad-dipressjoni. Kellem lil xi psikologu tal-fiduċja tiegħek biex jgħinek.

-Ipprova aġixxi daqs li kieku l-partner tiegħek qiegħed/qegħda j/tirkupra minn xi marda fiżika serja jew minn xi kirurġija. Uri affezzjoni billi tbus, tgħannaq, tuża kliem ħelu u sabiħu mġieba ġentili. Kollox jieħu ż-żmien tiegħu, għaldaqstant huwa importanti li ma taqtgħux qalbkom jekk il-ħila tagħkom ma tiġix rikonoxxuta jew aċċettata mal-ewwel.

-Ħu ħsieb tiegħek inniffsek. Li tkun viċin jew tieħu ħsieb persuna li għaddejja minn dipressjoni tista’ tkun diffiċli, u faċli tgħajja kemm fiżikament kif ukoll mentalment. Importanti li jkollok ftit ħin għalik u toħroġ ma’ xi ħbieb jew familjari mingħajr il-partner. Ħafna nies li jkunu għaddejjin mid-dipressjoni jistgħu jgħaddu minn mumenti fejn ikunu jixtiequ li joqogħdu d-dar u ma jagħmlu xejn. F’dawn iċ-ċirkustanzi inti wkoll tista’ tħossok imdejjaq/imdejqa u ffrustrat/a għas-sitwazzjoni li tkun qed tgħix fiha u forsi anke tħossok ħati talli ħriġt mingħajr il-partner tiegħek. Imma ftakar li dan huwa important biex tieħu ħsieb is-saħħa psikoloġika tiegħek u b’hekk tkun tista’ tibqa’ tieħu ħsieb b’mod tajjeb lill-partner tiegħek.

-Ftakar li dan il-perjodu fil-ħajja tagħkom, jista’ ma jdumx jew jista’ jkun perjodu itwal milli tkun assumejt. Ftakar ukoll li mhux kulħadd jesperjenza d-dipressjoni bl-istess mod.

-Ippruvaw agħmlu xi eżerċizzju fiżiku flimkien. Ħafna nies jaraw titjib kemm fil-partner tagħhom kif ukoll fir-relazzjoni tagħhom billi jkunu attivi flimkien.

Dak kollox min-naħa tiegħi! Nispera li l-punti tal-lum u tal-blogs li għaddew kienu utli għalikom. Nawgura lil dawk kollha li għaddejjin minn żmien iebes biex jagħmlu kuraġġ u ma jiddejqu xejn imorru għall-għajnuna. Jekk bħalissa ħajtek qisha maltempata, ftakar li x-xita xi darba se tieqaf u se toħroġ ix-xemx għalik ukoll!

Sakemm terġgħu tisimgħu mingħandi, il-Festi t-Tajba! Tislijiet.