Inġbidt lejn mara ħmistax-il sena iktar minni

Inġbidt lejn mara ħmistax-il sena iktar minni

Jien raġel ta’ 26 sena u ili 6 xhur noħroġ ma’ mara ta’ 41 sena. Nammetti kemm ilna flimkien, kull darba li semmejtha ma’ tal-familja qatt m’ghidtilhom kemm għandha żmien għax naf li ma jiħdux pjaċir. Sfortunatament 3 ġimgħat ilu ommi saret taf u ommi u missieri ħalquli paniġierku sħiħ. M’hemm xejn ħażin b’li tkun tħobb lil xi ħadd li għandha iktar żmien. Hi mhix miżżewġa, qatt ma kienet, u m’għandhiex tfal. Jien naf li hija mara sew pero’ qisu ma jridux jaċċettaw l-esperjenza tiegħi għax fi kliemhom “għadni żgħir”. Kif ħa naqbad nispjegalhom li m’għadnix tifel żgħir u li billi hemm differenza kbira bejn l-età tagħna m’hemm xejn ħażin?

 

Xi kultant jiġri li l-ġenituri tagħna, jew dawk li jieħdu ħsiebna, ma jiħdux grazzja ma’ min inkunu qed noħorġu. Hija sitwazzjoni pjuttost skomda għax min-naħa ir-relazzjoni hija bejnek u bejnha pero’ min-naħa l-oħra f’bosta każi nkunu niddependu fuqhom xi ftit jew wisq u anki jekk le nkunu nixtiequ li jaċċettaw lil dawk li nħobbu.

Jista’ jkun li kulma għandhom bżonn huwa żmien sakemm jikkalmaw għax xi kultant, meta nisimgħu aħbar li ma nkunux qed nistennew, qisna ninħasdu u nirriġetawha awtomatikament. F’każi hekk ikollna bżonn nikkalmaw qabel ma nkunu nistgħu naċċettaw perspettiva differenti minn tagħna. Naħseb huwa importanti li tkellimhom ftit bil-kwiet fuq il-biċċa, b’mod li ma jħossuhomx li jridu jiddefendu ruħhom. Nemmen li f’każi hekk importanti wkoll li tifhem in-naħa tagħhom għax probabbli jkunu irreaġixxu b’dak il-mod għax jibżgħu li se tweġġa. Jekk turi li qed tifhem l-inkwiet tagħhom hemm inqas ċans li jkunu difensivi u li jisimgħu in-naħa tiegħek. Nemmen li bħal f’kull deċiżjoni, huwa importanti wkoll li naċċettaw li kull deċiżjoni għandha l-konsegwenzi tagħha.

 

 

Matthew Bartolo is a counsellor specialising in Sex & Relationships. He offers counselling to both individuals and couples, and runs the sex education services within Willingness. He can be contacted on matthew@willingness.com.mt.

Phone:

+356 7929 1817