Grazzi għal dan l-imbierek blog, tul din il-ġimgħa, kienu ħafna li bagħtuli e-mails u messaġġi privati biex ikomplu jiddiskutu dan is-suġġett. Kont sorpriż kemm dan is-suġġett joħloq diskussjoni u interess, minkejja li ħafna drabi jkun wieħed mis-suġġetti l-anqas mitkellma fil-pubbliku, sforz il-biża’ u l-mistħija. Nittamaw li biż-żmien is-soċjetà tagħna jirnexxilha toħloq ambjent ta’ rispett u addattat biex inkunu nistgħu naqsmu l-fehmiet u l-esperjenzi sesswali tagħna b’mod aktar liberu.

Biex inkomplu fejn ħallejna l-ġimgħa l-oħra, f’dan l-artiklu se nippreżenta perspettivi oħra fuq ir-raġunijiet għaliex il-maġġoranza tal-irġiel, biex ma ngħidx kollha, jsibu s-sider femminili attraenti! L-esperjenza sesswali bejn żewġ individwi sseħħ biex dawn jersqu aktar qrib xulxin fiżikament u emozzjonalment. Sider il-mara huwa parti essenzjali f’dan il-proċess. Ir-raġel evolva b’mod li meta jmiss sider il-mara, kemm hu, kif ukoll il-mara jħossuhom iżjed viċin xulxin. Tant kemm hu hekk li ħafna min-nisa jsibu dan l-att bħala sesswalment pjaċevoli ħafna.

Iżjed minn hekk, numru sostanzjali ta’ nisa jistqarru li din l-istimulazzjoni kapaċi twassal anke għall-orgażmu. Dan jiġri għax apparti il-gost psikoloġiku, din l-istimulazzjoni tgħin biex il-moħħ jerħi wkoll kimika li tissejjaħ ossitoċina (oxytocin). Waħda mill-funzjonijiet ta’ din is-sustanza fid-demm tagħna, hi li tgħin lill-bniedem iħossu iżjed viċin u aċċettat mis-sieħeb jew sieħba tiegħu.

Ovvjament dawn m’humiex l-uniċi spjegazzjonijiet għaliex ir-raġel iħossu tant miġbud lejn is-sider femminili. Infatti, l-argument evoluzzjonarju jixhed li fil-passat imbiegħed, sider kbir kien sinjal qawwi tal-kapaċità biex il-mara titma’ t-tfal (minħabba anke x-xaħam li nsibu f’din il-parti tal-ġisem), u b’hekk kien hemm ċans akbar li t-tfal jibqgħu ħajjin. Riċerka interessanti li qrajt dan l-aħħar minn Swami u Tovee (2013) sabet li ħafna mill-irġiel li ġejjin minn sfond soċjo-ekonomiku baxx, jippreferu nisa b’sider kbir. Fil-fehma tiegħi u minn perspettiva evoluzzjonarja, dan jista’ jkun għax raġel  li m’għandux riżorsi materjali biżżejjed biex jitma’ lit-tfal tiegħu, ifittex li jissodisfa dan in-nuqqas f’sieħba li tista’ tagħmel dan.

Nispiċċa biex ngħid li għalkemm dawn l-ispjegazzjonijiet evoluzzjonarji jagħmlu sens, m’humiex definittivi u assoluti. Ikun interessanti li xi darba niddiskutu l-aspett kulturali ta’ dan l-argument, u anke għaliex xi rġiel straight ma jsibux is-sider attraenti daqshekk. Napprezza li min għandu xi argumenti interessanti ma jiddejjaqx jibgħatli biex b’hekk inkomplu nidħlu fil-fond ta’ dan is-suġġett u anke napprezzaw id-differenza bejn is-sesswalità tal-mara u dik tar-raġel.