Jum San Valentinu u m’għandix aptit sess

Jum San Valentinu u m’għandix aptit sess

Kull fejn iddawwar rasek fjuri ħomor, qlub, u ritratti ta’ koppji kuntenti.  Nimxi l-Belt u taqbadni għafsa ta’ qalb meta nara lit-tfajla tħares lejn koppji oħra li mehdijin f’xulxin.  “Get a room” ikun hemm min jgħidilhom. X’għandi ħażin jien?

Lit-tfajla nħobbha, nasal ngħid li hi l-mara ta’ ħajti.  Pero ma nħossx li għandi aptit ikolli x’naqsam magħha. Ma narahix b’dak il-mod.  Ikolli nkun onest, l-ebda persuna ma nara b’mod sesswali. Bħal donnu ntefa’ switch fija u ma jista’ jinxtal b’xejn.

___________________

Din hi realta’ li hawn min jgħix fis-silenzju.  Festi u ġranet bħal San Valentinu, u anniversarji jitfgħu iktar pressjoni fuq nies bħal dan għax donnhu f’dawn il-jiem hu mistenni li jkollok x’taqsam mas-sieħba tiegħek.  Bħal ma hu mistenni li tkun romantiku hu mistenni li wara r-rigali jew l-ikla ikun hemm dik il-bewsa li tmexxi għal tgħanniqa u għafsa li tispicca f’orgażmu, jew tnejn.

Ir-realta’, pero’ mhix hekk għal kulħadd.  Mhux kulħadd ikun qed jistenna l-mument li jkun taħt il-friex mal-mara jew raġel tiegħu.  Hemm min li minħabba nuqqas t’ aptit sesswali jevita dawn il – mumenti. Jekk inti t-tip li tara kif se taqla’ argument eżatt wara l-ikla ta’ San Valentinu biex tevita l-mument intimu dan li se nikteb jaf japlika għalik.

Hemm diversi raġunijiet għala qed jiġrilek hekk.  Ta’ min tibda billi tmur s’għand it-tabib ħalli tiċċekja hux kollok sew fiżikament.  Kolesterol, pressjoni għolja, obesita’ u kundizjonijiet fiżiċi oħra jaf iwaslu għal nuqqas fl-aptit.  Dan minħabba li dawn il-kundizjonijiet jaffetwaw iċ-ċirkolazjoni tad-demm u l-ormoni li tant huma mportanti għal attivita’ sesswali.   Meta nsemmu l-ormoni qed nirreferu għal tirojde baxxa (thyroid), testosterone baxx (testosterone), jew prolactin għoli (prolactin). Dan huma kimiċi fil-ġisem li jaffetwaw b’mod dirett l-aptit sesswali u ġieli ma jkollhomx sintomi oħrajn għajr nuqqas t’aptit.

Mistoqsija li ta’ min issaqsi hi jekk intix b’saħtek mentalment.  Jista’ jkun li bħalissa għaddej minn perjodu ta’ dipresjoni, anzjeta jew kundizjonijiet psikjatriċi oħra li wkoll jaffetwaw l-aptit sesswali.  Meta persuna mhix tħossha sew mentalment din ser taffetwa b’mod dirett is-saħħa sesswali. Saqsi lin-nies ta’ madwarek hux qed jinnutaw tibdil fl-imġieba u burdati tiegħek.  Jekk tħobb dak il-joint, jew xi 3 grokkijiet, fl-aħħar tal-ġurnata, hemm ċans li dawn qed jaffetwawlek l-aptit ukoll.

L-iktar kawża komuni ta’ nuqqas t’aptit sesswali hi t-tip ta’ ħajja li ngħixu.  Għas-sess irid ikolna enerġija kemm mentali u kemm fiżika. Qed taħdem ħafna dan l-aħħar?  Hemm xi ħaġa li qed tinkwetak iktar min-normal? Jekk qed tidħol id-dar kuljum fit-8pm wara x-xogħol mhu se jkollok aptit tagħmel xejn, lanqas sess.   Jista’ jkun li dan l-aħħar ntlaqt xi naqra u m’għadekx kuntent b’kif tidher? L-istima tagħna nfusna, speċjalment dik relatata mal-ġisem, taffetwa kif inħossuna dwar is-sess u l-intimita’ fiżika.

Semmejna ftit kawżi li m’għandhomx x’jaqsmu mar-relazjoni jew is-sess innifsu li jaffetwaw l-aptit sesswali.  Ovjament, jekk m’intx kuntent mas-sieħeb / sieħba fir-relazjoni ġenerali jew fis-sess, l-aptit se jonqos ħafna wkoll.

Jekk tara li din hi realta’ li qed tgħix fir-relazzjoni tiegħek.  Tkellem dwarha u kun ċert li m’hemmx aspettattivi għal jum san Valentinu.  Minflok aqblu li tqattgħu l-ħin tagħkom b’mod li t-tnejn tieħdi pjaċir, u bħala rigal wiegħed lilen innifsek u lis-sieħba / sieħeb li se tagħmel xi ħaġa dwar din il-problema.

Matthew Bartolo is a counsellor specialising in Sex & Relationships. He offers counselling to both individuals and couples, and runs the sex education services within Willingness. He can be contacted on matthew@willingness.com.mt or call us on 79291817.

Phone:

+356 7929 1817