Jien ġuvni u ili xi tliet xhur f’relazzjoni ma tfajla li toġobni ħafna. Għalkemm toġobni ħafna qed ninduna li meta nkunu intimi ma xulxin ma tantx qed indum u qed nibża li lilha mhux qed nissodisfha. Din m’hijiex l-ewwel relazzjoni tiegħi: sitt xhur qabel ma ltqajt magħha kont ili sena f’relazzjoni ma tfajla oħra li imbagħad kienet telqitni. Niftakar li kont indum iktar ma ta’ qabilha meta konna nkunu intimi. Ma din it-tfajla qed indum vera ftit u ma nistax nifhem għaliex u qed niddejjaq kemm għax inħossni mhux tajjeb biżżejjed u kemm għax nibża’ li taħseb li ma toġobnix jew li qed nużha. X’nista’ nagħmel?

 

L-ewwel nett grazzi ħafna talli qed taqsam din il-problema magħna. Il-problema li qed issemmi taffettwa madwar terz ta’ l-irġiel u jsejħulha eġakulazzjoni prematura. Hemm diversi affarijiet li jistgħu jikkawżawha, fosthom problemi mediċi pero ħafna drabi ma jkunx il-każ. Madanakollu nissuggerixxi li tiċċekkja ma’ tabib. Jista’ jkun li tkun ikkważata minn xi infezzjoni fil-parti tiegħek jew xi problema fil-prostata. Jista’ jkun ukoll li l-kawża hija purament psikoloġika. Speċjalment jekk forsi tkun anzjuż, forsi tħossok li mhux tajjeb biżżejjed jew forsi wara l-aħħar relazzjoni tkun tlift ftit kunfidenza. L-anzjeta’ taf iġġiegħelek tiġi qabel ma tkun tixtieq.  Il-fatt li ma tantx ilek mat-tfajla ma jgħinx.  Hu komuni ħafna li raġel jiġi malajr meta jkun f’relazzjoni ġdida.

Inħeġġek li titkellem mat-tfajla fuq din is-sitwazzjoni, inkluż fuq kif tħossok. Huwa tajjeb li titkellmu kemm fuq emozzjonijiet imma kif ukoll fuq l-intimita’ fiżika anki biex tkunu tafu iktar x’joġgħobkom. Il-komunikazzjoni taf tgħin ukoll f’każ li jkollok ftit anzejta bħalma ġieli nħossuna iktar rilassati wara li naqilgħu dak li jkollna fuq l-istonku.  Li titkellem magħha jaf anke jnaqqas dik il – feeling li sejjer għal xi eżami meta jkun se jkollok x’taqsam.  Ladarba titkellem tibda tħossok iktar li din hi xi ħaġa tagħkom it-tnejn u mhux tiegħek biss.

Matthew Bartolo is a counsellor specialising in Sex & Relationships. He offers counselling to both individuals and couples, and runs the sex education services within Willingness. He can be contacted on matthew@willingness.com.mt.