Weħel fuq l-eks tiegħu

Weħel fuq l-eks tiegħu

Ili noħroġ ma’ ġuvni kważi 3 xhur u għadu s’issa jsemmi l-eks tiegħu. Naf li m’ilux wisq, xi 7 xhur, li ħareġ mir-relazzjoni ta’ qabel, u milli naf kienu ilhom flimkien ftit mhux hażin, kważi sentejn. Għal bidu li bdejt noħroġ miegħu kont innutajt li kien isemmih pero’ ma tajtx wisq kas – għidt normali wara tkun f’relazzjoni twila hekk. Issa li għaddew 3 xhur għadu jsemmih daqs qabel, kważi darba minn tnejn li niltaqgħu isemmih… forsi għax immorru post fejn ikun mar miegħu, jew kien xtaq imur, jew li l-ieħor ma kienx joġbu… għal xi raġuni jew oħra jsemmih. Qed nieħu l-impressjoni li għadu mwaħħal fuq ir-relazzjoni l-oħra pero’ m’inix ċert għandix inkellmu fuq il-biċċa jew inħallih. Minn naħa ma naħsibx li idea tajba li nkunu flimkien jekk għadu ma ħariġx mir-relazzjoni ta’ qabel, kemm għalija kif ukoll għalih. Min-naħa l-oħra klikkjajna u ma nixtieqx inwaqqaf relazzjoni għal xi ħaġa li taf tkun temporanja.

 

L-ewwel nett grazzi talli qsamt magħna din is-sitwazzjoni. Sfortunatament, meta xi ħadd iwaqqaf relazzjoni, jaf idum ftit ma joħroġ minnha, skond kemm ir-relazzjoni, kif ukoll il-persuna. Mhux kulħadd l-istess. Hija esperjenza xejn sabiħa li għandha ħafna simili mat-telf ta’ xi ħadd maħbub jew maħbubha u ngħaddu minn stadji simili ħafna: dwejjaq (u li kważi ma nemmnux x’ġara), rabja (u xi kultant mibgħeda), ħtija, aċċettazzjoni tat-telfa, u imbagħad li nimxu ‘l quddiem.

Fis-sitwazzjoni tiegħek, kieku jien nistenna ftit u nara naqra x’jiġri. Hemm ukoll fatturi oħra, per eżempju qatt joqgħodx iqabbel l-esperjenza miegħek ma’ dik li kellu miegħu. Jista’ jkun li sempliċiment għandu bżonn ftit iktar żmien u joħroġ minnha waħdu. Pero’ jekk jgħaddi ż-żmien u ma jinbidel xejn, forsi ta’ min titkellmu waħda bil-kwiet, kemm għalih imma kif ukoll għalik u jekk hemm bżonn ifittiex l-għajnuna. Jaf ikun sempliċiment nostalġiku. Ma tistax tgħid sakemm ma titkellmux fuqha. Ħudu ħsieb.

 

Matthew Bartolo is a counsellor specialising in Sex & Relationships. He offers counselling to both individuals and couples, and runs the sex education services within Willingness. He can be contacted on matthew@willingness.com.mt.

Phone:

+356 7929 1817