Jista’ jagħti l-każ li l-ġenituri jaħsbu li tfal żgħar biss jirrifjutaw li jidħlu l-iskola. Però, dan mhuwiex il-każ għax din il-ħaġa jistgħu jesperjenzawha wkoll tfal akbar fl-età u saħansitra adoloxxenti. Tinduna li t-tifel jew tifla tiegħek ma jkunux iridu jmorru l-iskola għax jibdew iħossuhom imdejqin ħafna kull darba li jkunu sejrin l-iskola u jsibuha vera diffiċli biex jitilqu minn miegħek. Filgħodu jaf issir battalja għax it-tfal jaf jaqbdu jwerżqu u jibku, jirrifjutaw li jiċċaqalqu, isakkru lilhom infushom f’xi kamra, igergru li mhux qed iħossuhom tajbin, juru livelli għoljin ta’ ansejtà, isibuha diffiċli biex jorqdu, u saħansitra jaf jheddu lill-ġenituri li jkunu ta’ periklu għalihom infushom. Ir-raġunijiet li jwasslu għal din it-tip ta’ imġiba huma varji: tensjoni minħabba xi affarijiet li qed jiġru d-dar jew l-iskola, kunflitt mal-familja jew ħbieb, xi tibdil li seta’ kien hemm, jew xi problemi mal-għalliem. Billi jiddeċiedu li ma jmorrux skola, it-tfal qed jevitaw l-affarijiet li jbeżżugħhom u sitwazzjonijiet skomdi u jkollhom l-opportunità jiċċekkjaw x’inhu jiġri d-dar.

Il-punt tat-tluq tal-ġenituri jrid ikun li jifhmu dak li qed jesperjenzaw uliedhom, mil-lenti tagħhom u billi jpoġġu lilhom infushom fiż-żarbun tagħhom. Tajjeb li l-ġenituri juru lil uliedhom li qed jifhmuhom. Dan jistgħu jagħmluh billi jitkellmu magħhom, b’mod partikolari dwar l-iskola, u jidentifikaw minn fejn hi ġejja l-problema. Dan jista’ jsir billi, per eżempju,  tistaqsihom xi tkun dik il-ħaġa li jbiddlu kieku jistgħu jagħmlu dan. Bla dubju, dan mhuwiex proċess faċli għat-tfal kollha, b’mod speċjali għal dawk li jsibuha diffiċli biex jitkellmu. Għalhekk, bħala ġenitur tista’ tiffaċilita dan il-proċess billi tuża’ mezzi oħra ta’ komunikazzjoni, fosthom il-logħob, it-tpinġija, il-kitba jew il-qari ta’ xi stejjer. Min-naħa tiegħek, bħala ġenitur, ukoll tajjeb li tipprova taħseb x’tista’ tkun ir-raġuni.

Meta jsir dan, ikun aktar faċli biex, flimkien mat-tfal, tinstab xi forma ta’ soluzzjoni għal problema tagħhom. Tajjeb ukoll li t-tfal ikunu jafu li int se taħdem flimkien mal-iskola, u jekk ikun hemm bżonn l-iskola jista’ jitkellem fuq l-inkwiet u l-biżgħat tiegħu ma’ xi professjonist. Infatti, tajjeb ħafna li l-ġenituri jibdew billi jkellmu lill-għalliem u jaħdmu id f’id. L-għalliem jista’ anke jidentifika xi diffikultajiet akkademiċi li jaf ikun qed jesperjenza t-tifel u t-tifla u, f’dak il-każ, x’għajnuna jkun hemm bżonn. It-tfal għandhom bżonn lil xi ħadd li jkun kalm, jurihom li jemmen fihom, u jinkoraġġihom kull darba li jirnexxilhom imorru l-iskola. Ir-rutina wkoll tgħin ħafna lit-tfal, għalhekk tajjeb li t-tfal jinvolvu ruħhom fl-affarijiet li hemm bżonn isiru biex imorru l-iskola u, kemm jista’ jkun, jinħaslu u jidħlu jorqdu kuljum fl-istess ħin. Importanti wkoll li t-tfal ma jkunux ħadu dak li riedu meta jiddeċiedu li jridu jibqgħu d-dar u konsegwenzi li jnaqqsu l-ammont ta’ attenzjoni li qed jieħdu talli ma marrux skola jgħinu wkoll.

Tajjeb li wieħed jiċċekkja ma’ tabib jekk it-tfal qed jgħidu li qed iħossuhom ma jifilħux biex b’hekk tkun ċert li mhix raġuni medika. F’dak il-każ, it-tabib jirreferi l-każ għand terapista jew psikologa, skont il-bżonn, li jistgħu jidentifikaw jekk din hix ansjetà u, f’każ li hi, jingħataw l-għajnuna li jkun hemm bżonn. Bħala ġenitur, tista’ wkoll tiċċekkja mal-professjonist xi strateġiji tista’ tuża’ d-dar biex tgħin lil uliedek jirritornaw l-iskola u importanti wkoll li tieħu ħsieb tiegħek innifsek.

Jekk taħseb li tibbenefika billi tikseb sapport professjonali dwar din is-sitwazzjoni, tista’ tagħmel appuntament hawn.

Johanna Cutajar is a Master in Counselling graduate from the University of Malta. She works with children and adolescents as a counsellor within the education sector on a variety of issues including relationship issues, trauma, bereavement, transitions, and general mental health.

Referenzi

Busman, R. (n.d.). When Kids Refuse to Go to School. Retrieved from https://childmind.org/article/when-kids-refuse-to-go-to-school/