It-tifel għandu resit u ma jridx jistudja

It-tifel għandu resit u ma jridx jistudja
Reading Time: 3 minutes -

“Is-sena skolastika fl-aħħar spiċċat… wara sena iebsa fl-aħħar nista’ nistrieħ… imma LE, għandi resit!” It-tifel tiegħek qiegħed f’din is-sitwazzjoni? Mhux żmien faċli biex jistudja, speċjalment jekk sħabu qed igawdu s-sajf, iżda hemm modi kif tista’ tinkoraġġieh u tgħinu jistudja.

Kif se jirnexxili ninkoraġġih?

  • Fakkru x’differenza dan ir-resit jista’ jagħmel

Sew jekk għandu bżonn ir-resit biex jidħol għall-kors mixtieq, kif ukoll jekk forsi jiftaħlu opportunitajiet ta’ studju ġodda, dawn huma tnejn mill-ħafna raġunijiet validi li jistgħu jinċentivawh jistinka iktar. Fakkru li l-eżami mhux qed jagħmlu għalik jew għal ħaddieħor, iżda għalih innifsu.

John Shipp li hu espert fuq empowerment għaż-żgħażagħ jgħid illi liż-żgħażagħ irridu nfakkruhom li għandhom jagħmlu dak li hemm bżonn biex ikunu jistgħu jagħmlu dak li jixtiequ jagħmlu “you have to do what you have to do so you can do what you want to do”. B’hekk irridu ngħinu lil uliedna jifhmu li dak li forsi jarawh tedjanti, se jwassal għal għan akbar.

  • Għinu jaċċetta l-falliment

Jista’ jkun li dan ir-riżultat kien qed jistennieh, u jista’ jkun li le. Hu x’inhu l-każ, hu jrid jifhem li hemm il-konsegwenzi. Kull ġenitur irid l-aħjar għal uliedu, u allura mhux faċli tara lil ibnek f’din is-sitwazzjoni. Iżda minn dan il-falliment ibnek jista’ jimmatura u jkun motivat biex jerġa jqum fuq saqajh u jtejjeb is-sitwazzjoni tiegħu.

Ipprova taqax fin-nassa li tagħmel priedki bħal “għedtlek li ma studjajtx biżżejjed jien”, iżda staqsieh mistoqsijiet bħal “kif tħossok b’dan ir-riżultat, u x’tista tagħmel biex l-affarijiet jiġu aħjar?” Importanti li dejjem turih li inti hemm biex tgħin meta u kif ikun hemm bżonn.

  • Għinu jagħmel il-proċess iktar faċli

Ħafna drabi l-inkwiet ta’ żgħażagħ f’din is-sitwazzjoni hu li ma jkunux jafu minn fejn se jibdew. Wara ż-żmien ta’ stress li jġibu magħhom l-eżamijiet, ikunu laħqu draw jirrilassaw waqt il-vaganzi u spiss jinsew l-affarijiet kollha relatati ma’ l-istudju. Allura, jekk tgħin lil ibnek b’mod prattiku biex ikun jista’ jerġa jaqbad ir-rutina tal-istudju, probabbilment iħossu iktar kunfidenti.  Dawn huma ideat prattiċi kif tista’ tgħin lil-ibnek:

  • Oħloq skeda ta’ dak li jrid isir, iżda kun flessibli (ftakar li fis-sħana il-ħinijiet ta’ studju iridu jinbidlu xi ftit)
  • Inkoraġġieh jingħaqad ma oħrajn li qegħdin fl-istess sitwazzjoni u jistudja magħhom (forsi anki jattendi xi klassijiet ta’ reviżjoni)
  • Fakkru li l-istudju ma jsirx biss id-dar. Inkoraġġieh joħroġ u jmur jistudja f’postijiet differenti. B’hekk ma jkunx qed jingħalaq id-dar fl-istaġun tas-sajf, iżda xorta ikun qed jagħmel ix-xogħol
  • Oħloq inċentivi

M’hu faċli għal ħadd li joqgħod jistudja fis-sajf, allura importanti li toħloq inċentivi differenti biex dak li qed jagħmel jiġi apprezzat. Għalkemm ir-riżultat innifsu għandu jkun l-inċentiv, mhux faċli għal żagħżugħ jara dan. B’hekk tajjeb li barra li tgħinu jiftakar l-għan finali , issib modi differenti ta’ inkoraġġiment.

Forsi xi ġurnata brejk ma sħabu, jew xi ftit ħin iżjed ta’ rilassament matul il-ġurnata huma ideat żgħar kif tista’ tinċentivah ikompli jistudja. Xi kelma ta’ nkoraġġiment ukoll ma tagħmel ħsara qatt.

Importanti li nikkonludu billi niftakru li l-istudju matul is-sajf ma jfissirx li se nitilfu s-sajf kollu. Huwa mportanti li jinsab bilanċ u nimmaniġġjaw l-ħin b’mod effettiv.

Referenzi

Shipp J, How to Motivate Teenagers, migbur minn  https://www.empoweringparents.com/article/how-to-motivate-teenagers-part-1/

Ann Julene Hili is a Career Guidance Practitioner with Willingness. She specializes in working with teens and young adults who are in their educational and career transitions. She can be contacted on annjulene@willingness.com.mt or call us on 79291817. 

How useful was this post?

Click on a star to rate it!

We are sorry that this post was not useful for you!

Let us improve this post!

Phone:

+356 7929 1817