Nista’ nifhem l-uġigħ li l-ġenitur iħoss meta t-tfal tiegħek jibdew iwarrbuk, apparti l-uġigħ li ġġib magħha t-telfa tar-relazzjoni. Jekk din tkun problema ġdida, jaf tħossok ħafna aktar konfuż u anzjuż minħabba dak li jkun qed jiġri. Ħafna drabi, inwaħħlu fis-sieħeb jew sieħba tagħna għax naħsbu li jkunu qed isemmuna. Hi normali ħafna li s-separazzjoni tal-ġenituri taffettwa ħafna lit-tfal għax din tkun realtà ġdida għalihom u, ħafna drabi, ma jsibuhiex faċli biex jadattaw.

Jista’ jkun hemm diversi raġunijiet għalfejn it-tfal iwarrbu lil xi ħadd mill-ġenituri tagħhom. Jista’ jagħti l-każ li t-tfal ikunu qed iwaħħlu fl-omm jew fil-missier minħabba dak li jkun ġara. Drabi oħra, jaf jieħdu n-naħa tal-ġenitur li jkun żbalja jew inkella jsiru aktar viċin tal-ġenitur li jkun inqas hemm għalihom minħabba xi bżonnijiet li jkunu għadhom neqsin. Ikun hemm ukoll każijiet fejn it-tfal ma jħossuhomx milqugħin fid-dar ta’ dak il-ġenitur li huma jkunu qed iwarrbu. Ovvjament, is-sitwazzjoni tiġi ferm aktar ikkumplikata meta s-sieħeb jew is-sieħba tiegħek ikomplu jsaħħu dak li jkun qed jiġri. Dan jista’ jiġri meta, per eżempju, huma stess lanqas jindunaw li bil-kummenti negattivi li jkunu qed jgħaddu ma jkunux qed iħallu lil uliedhom itejbu r-relazzjoni mas-sieħeb jew sieħba tagħhom. L-aktar sitwazzjonijiet diffiċli jinħolqu meta ġenitur minnhom ikun manipulattiv u jkun ostili ħafna lejn il-ġenitur l-ieħor. Ħafna drabi, diffiċli ħafna tirraġuna ma’ persuna ta’ dan it-tip għax l-intenzjoni tagħha tkun li toħloq ħafna ħsara.

Tkun xi tkun ir-raġuni għalfejn it-tifel jew tifla jkunu qed iwarrbuk, tajjeb li tindirizza l-problema kmieni kemm jista’ jkun. Tajjeb li ma taqtax qalbek għax hekk tkun qed telimina ċ-ċans li r-relazzjoni titjieb. Wieħed irid jipprova jpoġġi lilu nnifsu fil-pożizzjoni tat-tifel jew tat-tifla tiegħu biex jifhem aħjar minn xiex ikunu għaddejjin. Xi ħaġa li ma tkunx familjari jaf tbeżża’ lil uliedek. Infatti, it-tfal ikollhom bżonn il-ħin tagħhom biex jidraw post ġdid. Min-naħa tiegħek, tkun tista’ tiffaċilita dan il-proċess billi toħloq ambjent komdu u rutina li tgħin.

Jekk uliedek isibuha diffiċli biex jikkontrollaw lilhom infushom, tajjeb li ma tagħmilx l-istess ħaġa biex tevita li teskala s-sitwazzjoni. Għalkemm ma tistax tisforza lil uliedek, tista’ toħloq ambjent ideali għal komunikazzjoni aktar sikura. Ta’ min ukoll ma tinjorax lil uliedek meta jkunu miegħek għax il-ħin li tqatta’ mat-tfal jaf isewwi relazzjoni li ma tkunx sejra tajjeb. Jekk ikunu adolexxenti, tajjeb li żżomm f’moħħok li, wisq probabbli, se jkunu jridu iqattgħu aktar ħin ma’ sħabhom. M’għandekx għalfejn tiddejjaq jekk uliedek ikunu qed iqattgħu xi ħin mal-ġenitur l-ieħor għax, jiġri x’jiġri bejnietkom, xorta jibqa’ l-ġenitur tagħhom u huma jridu jħossuhom liberi li jħobbu liż-żewġ ġenituri. 

Fl-aħħar mill-aħħar, tajjeb li tiffoka fuq kif qed iħossuhom uliedek u meta titkellem mas-sieħeb jew sieħba li kellek iffokka fuq it-tfal aktar milli fuq kif tħossok int. Tajjeb ukoll li wieħed jevita milli joqgħod jipponta subgħajh lejn is-sieħeb jew sieħba li kellu minħabba l-attitudni tat-tfal għax hekk jaf jikkoperaw inqas miegħek. Lit-tfal tgħinhom ħafna li jaraw li l-ġenituri qed jingwalaw bejniethom u għalhekk jifhmu aktar li m’għandhomx bżonn jgħażlu bejnietkom. Tajjeb ukoll li tevita li tgħid fuq il-ġenitur l-ieħor għax dan jaf iwassal biex uliedek jitbegħdu aktar minnek. Importanti wkoll li tfittex is-sapport ta’ xi familja u ħbieb u, jekk hemm bżonn, anke ta’ professjonisti, kemm għalik kif ukoll għal uliedek.

Jekk taħseb li tista’ tibbenefika minn appoġġ professjonali dwar din il-kwistjoni tista’ tagħfas hawn.

Johanna Cutajar hija gradwata fil-Masters in Counselling mill-Università ta’ Malta. Hija taħdem mat-tfal u l-adolexxenti bħala konsulent fis-settur tal-edukazzjoni fuq varjetà ta ‘kwistjonijiet inklużi kwistjonijiet ta’ relazzjoni, trawma, luttu, tranżizzjonijiet, u s-saħħa mentali ġenerali.

Referenzi
Ettline, R. (2020). When a Child Rejects One Parent. Retrieved from https://www.peaceafterdivorce.com/blog/child-rejects-one-parent/