Meta koppja jkollhom it-tfal u jinfirdu jew jiddeċiedu li ma jibqgħux jgħixu flimkien, normalment it-tfal tal-koppja jibdew jgħixu ma’ wieħed mill-ġenituri b’aċċess li jaraw lill-ġenitur l-ieħor fuq bażi regolari. Iżda, niltaqgħu ma tfal li jibdew jinqabdu f’dik li ngħidulha ‘parental alienation’.
X’inhi parental alienation?
Parental alienation hija meta wieħed mill-ġenituri jibda jgħaddi kummenti negattivi fuq il-ġenitur l-ieħor jew ma jħallux lit-tfal jaraw jew jagħmlu kuntatt mal-ġenitur l-ieħor. Il-kummenti jistgħu jkunu bħal ngħidu aħna; ‘missierek ma jinteressahx minnek’ jew ‘ommok tippreferi il-baby il-ġdid tal-partner’. Dan huwa diskors ta’ abbuż emozzjonali fuq it-tfal. Xi drabi din it-tip ta’ aljenazzjoni tieħu forma differenti. Jista’ jagħti l-każ li l-ġenitur jibda jipprova jnaqqas il-kuntatt tat-tfal mal-parti l-oħra u għalhekk, minflok jintuża kliem dirett fuq wieħed mill-ġenituri, tibda tintuża azzjoni manipulattiva biex taffettwa lit-tifel/tifla. Per eżempju; ‘flok tmur għand il-papa illejla, trid tgħid lil sħabek jiġu hawn?’ Dan l-atteġġjament jibda jħawwad lil minuri u joħloq konflitt intern fit-tfal. Meta jkun hemm vista għand il-ġenitur, ħa nsejjaħlu aljenat, il-minuri jibda jħossu ħażin(‘guilty’). Jista’ jagħti l-każ li il-minuri ma jkunx jaf kif ser iġib ruħu mal-ġenitur li ma jkunx qed jgħix permanenti miegħu/magħha jew it-tifel/tifla tibda j/toqgħod attent/a xi tgħid lill-parti l-oħra u tinqabad f’konflitt.
Tajjeb li nżommu f’moħħna li d-deċiżjoni li l-koppja tinfired ma ttieħditx mit-tfal u għalhekk m’għandhom qatt ibatu l-konsegwenzi li jinqabdu f’dal-konflitti. Il-ġenitur huwa dejjem l-adult u għalhekk għandu dejjem jipproteġi lill-minuri u mhux joħloq hu stess effetti psikoloġiċi. Biex dan nevitawh ma rridu qatt ngħawwu lit-tfal fuq il-ġenituri u hawnhekk nsemmi ukoll lin-nanniet li xi drabi jniggsu huma wkoll b’xi kummenti.
Ir-riċerka turi li tfal li jgħaddu minn parental alienation, xi drabi jbatu minn nuqqas ta’ ‘self-esteem’, jibdew jafdaw inqas u jista’ jagħti il-każ li fil-futur tagħhom jkollhom ‘lack of trust’. Nsibu każijiet fejn il-minuri jibda jsib diffikultà sabiex jaċċetta jew juri mħabba lejn wieħed mill-ġenituri minħabba l-konflitt emozzjonali li jinħoloq. Il-minuri ma jkunx jrid jonqos lil ommu jew missieru speċjalment ma dak li jkun qed jgħix, għallura jibda jħossu ‘guilty’ jaċċetta jew juri mħabbtu lejn il-ġenitur l-ieħor. Xi drabi tant tiġi kumplikata l-biċċa li parti minnhom iċċedi l-aċċess mal-minuri sabiex ma jibqax jsir ħsara lit-tfal jew nkella dan l-aċċess jibda jonqos. Meta l-pressjoni tiżdied ħafna fuq it-tfal involuti, dawn ġieli jċedu għall-istess pressjoni li ġejja mill-ġenitur u l-minuri stess jibda jiċħad lill-ġenitur li qed jiġi aljenat. Il-ġenitur aljenat huwa dak li qed jiġi mċaħħad milli jara lill-uliedu. Meta jiġri dan, dak il-ħin mitluf fil-ħajja tat-tfal qatt ma jista’ jerġa jiġi lura!
F’każi bħal dawn, il-ġenituri minkejja li ma jkunux iżjed flimkien però jeżistu korsijiet fuq kif ħa jimxu ż-żewġ partijiet bħala trobbija m’uliedhom u anki servizzi bħat-terapija u ‘counselling’ sabiex il-ġenituri jiġu mgħejuna fuq kif ħa jrabbu lit-tfal fl-iktar armonija possibbli, anki jekk mhux qed ngħixu taħt l-istess saqaf. Minkejja li relazzjoni tkun spiċċat, bejn iż-żewġ partijiet, però ma jfissirx li għat-tfal ir-relazzjoni tagħhom, ma’ l-omm jew il-missier spiċċat ukoll. Għalhekk l-adulti għandhom jkunu responsabbli fejn jidħlu kummenti jew atteġġjament fil-konfront tal-ġenitur l-ieħor għaliex finalment kull parti trid iżżomm f’moħħha li huma uliedek stess li ħa jbatu.
Rachel Osmond is a Family Therapist with Willingness who works with individuals, couples and families. She also has experience with children and adolescents.
Referenzi:
Woodall, K., & Woodall, N. (2017). Understanding parental alienation: Learning to cope, helping to heal. Charles, C. Thomas Publisher.