Mhix sorpriża li ansjetà, depressjoni, stress, burdata ħażina u problemi oħra ta’ saħħa mentali żdiedu b’riżultat tal-pandemija. Il-qgħad jew it-telf ta’ dħul, kif ukoll l-għeluq ta’ skejjel u nurseries u l-bidla fil-kundizzjonijiet tax-xogħol, wasslu għal żieda fl-istress u problemi psikoloġiċi.
Matul l-aħħar sena, żviluppajna rutini ġodda li se jinbidlu għal darb’oħra wara li l-miżuri jitneħħew kompletament. Il-bidla mhix dejjem faċli, peress li l-familjarità tar-rutina, u l-abbiltà li nagħmlu pjanijiet tagħna, jistgħu jiġu affettwati.
Il-miżuri u restrizzjonijiet affettwaw direttament l-awtonomija tagħna li jippermettulna nħossuna aktar fil-kontroll. Il-bidla u dak li mhux mistenni jistgħu jitqiesu bħala theddida, u waqt li l-bidla ġġib iċ-ċans li tikber, huwa diffiċli li naraw jekk ma jkollniex ċarezza dwar il-futur.
Filwaqt li kulħadd jixtieq jerġa’ jmur lura għal xi tip ta’ normalità, ħafna nies għadhom anzjużi dwar il-futur wara l-COVID. F’dan il-punt, billi nħarsu lejn futur wara li tkun għaddiet il-pandemija, m’aħniex ċerti dwar kif se tkun dik il-ħajja. Mingħajr lenti ċara u l-abbiltà li noħolqu pjan fit-tul, aħna neqsin mill-abbiltà li nippreparaw ruħna. Apparti minnhekk r-regoli li kontinwament jinbidlu qed inaqqsu t-tolleranza tagħna għall-inċertezza. Dawn huma xi suġġerimenti biex tikkontrolla aħjar l-ansjetà f’dan iż-żmien ta’ inċertezza:
Imxi bil-mod
It-tranżizzjoni għal mod ta’ ħajja ġdid mhix proċess sempliċi u jista’ jieħu ż-żmien biex tirregola ruħek għall-idea li tara n-nies u terġa’ tmur f’postijiet pubbliċi. Ħu passi żgħar u tgħaġġilx biex tagħmel l-affarijiet jekk ma tkunx qed tħossok komda .
Ma nistgħux ninjoraw l-impatt psikoloġiku tal-messaġġi li ġejna esposti għalihom matul is-sena li għaddiet. Dawk il-messaġġi huma li l-attivitajiet soċjali mhumiex siguri. Għandna nirrikonoxxu li dawn il-messaġġi huma ankrati f’moħħna issa u se jieħu ż-żmien biex terġa’ tinbena l-kunfidenza.
Hekk kif id-dinja ssir aktar sigura, huwa importanti li jkollna kompassjoni għalina nfusna u li nieħdu l-affarijiet b’ritmu komdu għalina aktar milli nimxu ma’ dawk ta’ nies oħra.
Kun ħanin miegħek innifsek
Hekk kif naġġustaw għal bidla kbira oħra, huwa iktar importanti minn qatt qabel li nħarsu lilna nfusna u nieħdu nota ta’ kif qed inħossuna. Li tieħu ħin għalik innifsek, tibqa’ attiv, tiekol tajjeb u tkun konxju huma importanti matul perjodu ieħor ta’ taqlib.
Minħabba r-restrizzjoni fit-tul fuq l-attivitajiet soċjali, qed inħossu iktar din l-istennija li hekk kif ikunu disponibbli, għandna nkunu qed nitfgħu ħruġ u okkażjonijiet u nirritornaw lejhom b’eċitament, bħalma konna darba.
Distanza soċjali, u maskri xorta se jkunu preżenti, kif ukoll normi soċjali li jfakkruk f’dak li għaddejna minnu. Dan ċertament se jqanqal livell ta’ ansjetà f’xi nies, u l-ansjetà soċjali relatata ma’ gruppi u postijiet mimlija nies se tkun sfida ukoll.
Oħloq rutina
Il-bnedmin huma kreaturi tal-vizzju, bidliet kbar jistgħu jkunu diffiċli biex tlaħħaq magħhom. Għalhekk, huwa importanti li tipprova żżomm ma’ rutina, speċjalment meta l-affarijiet huma differenti jew inċerti. Anke li tipprova tqum fl-istess ħin u li tiekol f’ċertu ħinijiet jista’ jgħinna nħossuna aktar sodisfatti.
Fittex l-għajnuna
Huwa importanti li tkellem ma’ professjonist jekk qed tissielet ma’ problema ta’ saħħa mentali. Jista’ jkollok konsultazzjoni bit-telefon biex tiddeċiedi l-aħjar azzjoni għalik, kemm jekk dik hija terapija li titkellem, medikazzjoni jew taħlita ta’ dawn.
Kellem lil ħbieb u familjari li tafda dwar kif qed tħossok. L-ansjetà tista’ ġġibek tħossok iżolata minn ħaddieħor, imma int ma tkunx l-unika waħda li tħossok inkwetata dwar il-futur.
Marlene is a Trainee Gestalt Psychotherapist with Willingness. She has experience working in the mental health field, particularly with issues of anxiety, depression, loss, challenging relationships and major life transitions.
Referenzi
Smith, L. (2021, April 21). Why it’s normal to feel anxious about a post-COVID future. Retrieved from https://patient.info/news-and-features/why-its-normal-to-feel-anxious-about-a-post-covid-future#