Il-pandemija tal-COVID-19 ġabet magħha ħafna sfidi u inċertezzi. Matul dan iż-żmien, kellna ngħixu bil-biża’ li nimirdu u nferrxu virus tant jittieħed. Kellna nadattaw għal bidla totali fil-mod ta’ kif stajna ngħixu ħajjitna. Għamilna sagrifiċċji kbar biex nżommu ’l bogħod mill-maħbubin tagħna sabiex inkunu nistgħu nżommu lil xulxin protetti. Sfortunatament, bosta kienu dawk li sfaw vittma ta’ dan il-virus qerriedi, filwaqt li oħrajn tilfu lil xiħadd għażiż għalihom minħabba kumplikazzjonijiet assoċjati mal-marda.
Ħafna huma dawk li kienu qed jistennew il-wasla tal-vaċċin, bit-tama li ma ndumux ma nirritornaw lejn dak li nafu bħala normalita’. Madankollu, hemm għadd ta’ nies li huma inċerti dwar jekk għandhomx jieħdu dan il-vaċċin jew le. Jekk inti wieħed minn dawn, m’intix waħdek.
Ieqaf u Aħseb
Huwa importanti li nistabbilixxu li ma fiha xejn ħażin li nesperjenzaw biża’ dwar xiħaġa ġdida. Il-problema tkun meta inħallu dawn il-biżgħat u l-anzjetajiet jikkontrollawna u jaffetwaw id-deċiżjonijiet tagħna. Meta niġu maħkuma minn ċertu biżgħat, huwa normali li nistaqsu lilna nfusna ċertu mistoqsijiet bħal, ‘x’jista’ jiġri jekk jiena nieħu dan il-vaċċin?’
Għalhekk, l-ewwel pass li għandna nagħmlu huwa li nieqfu, nagħrfu din il-biża’, u nagħmlu sforz sabiex nimmaniġġaw l-anzjeta’ tagħna b’mod iktar produttiv. Mod tajjeb ta kif nagħmlu dan huwa billi nirriċerkaw dak li nafu s’issa dwar il-vaċċin sabiex inkunu nistgħu nevalwaw il-livell ta’ riskju assoċjat miegħu. Minn hemm, inkunu nistgħu nagħmlu deċiżjoni dwar dak li nħossu li huwa l-aħjar għalina (McCallum, 2021).
Minn Xiex qed Tibża’?
Il-biża’ tista’ tkun b’saħħitha u permezz ta hekk, nistgħu ukoll niġġeneralizzaw il-biża’ tagħna b’mod iktar wiesa’. Per eżempju, jekk persuna ġiet migduma minn kelb, hemm ċans li tiżviluppa biża’ mill-klieb kollha, u probabbli tibda anke tevita li żżur il-post fejn ġiet migduma fih. Fil-każ tal-vaċċin kontra l-COVID-19, ilkoll nafu li l-virus innifsu jista’ jkun ferm perikoluż. B’hekk, hemm ċans li l-biża’ tagħna timxi ukoll għall- biża’ li nieħdu l-vaċċin, mingħajr ma nirrealizzaw li din hija reazzjoni awtomatika.
Huwa tajjeb li wieħed jirrifletti daqsxejn dwar x’inhuwa eżatt dak li qed jibża’ minnu. Staqsi lilek innifsek jekk il-biża’ li qed tesperjenza hijiex biża’ li jaqbdek il-virus u tesperjenza s-sintomi tal-marda, jew inkella mill-effetti sekondarji tat-tilqima. Jista’ jkun ukoll li l-biża’ tiegħek ġejja min-nuqqas ta’ fiduċja fil-vaċċin, jew forsi tippreferi li tibni immunita’ kontra l-virus b’mod naturali. Huwa importanti li titgħallem tidentifika dak li qed jinfluwenza d-deċiżjoni tiegħek sabiex tkun ċert minn dak li tixtieq.
Kun Infurmat
Bħalissa ninsabu mdawrin b’ħafna informazzjoni u opinjonijiet dwar il-vaċċin tal-COVID-19. Ħafna minn dawn jkunu ġejjin mit-televiżjoni, mill-midja soċjali, u forsi anke mill-ħbieb u l-familjari tagħna stess.
Riċerka xjentifika pruvata turi li l-maġġoranza ta dawk li jieħdu l-vaċċin jesperjenzaw effetti sekondarji ħfief, jew anke ma jesperjenzaw l-ebda effett. Din l-istess riċerka tispjega kif mhux is-sintomi kollha li jiġu esperjenzati wara t-tilqima huma riżultat tal-vaċċin. Tajjeb inżidu li filwaqt li reazzjonijiet estremi għat-tilqima huma inkwetanti, sintomi oħrajn bħal deni ħafif, għejja jew uġiegħ fil-muskoli jindikaw li ġisimna qiegħed jirreaġixxi għall-vaċċin kif sippost (Winfried, 2021).
Jekk inti kkonċernat dwar il-possibilita’ ta’ effetti sekondarji fit-tul, ikun tajjeb li tinforma ruħek b’dak li nafu s’issa dwar is-sintomi li jistgħu jiġu esperjenzati b’riżultat tat-tilqima. Huwa tajjeb ukoll li tikkunsidra l-frekwenza u s-severita’ ta’ effetti sekondarji ta’ tilqimiet oħra li ilhom jiġu studjati għal tul ta’ żmien.
Pamela is a counsellor who enjoys working therapeutically with adults experiencing various issues. These include general mental health and wellbeing, gender, sexuality, relationship issues.
Referenzi:
McCallum, K. (2021). 5 Tips for Handling COVID-19 Vaccine Anxiety. Retrieved from https://www.houstonmethodist.org/blog/articles/2021/feb/5-tips-for-handling-covid-19-vaccine-anxiety/
Winfried, R. (2021). Fear of Adverse Effects and COVID-19 Vaccine Hesitancy: Recommendations of the Treatment Expectation Expert Group. JAMA Health Forum, 2(4). doi:10.1001/jamahealthforum.2021.0804