Xi kultant, meta relazzjoni tiġi fi tmiemha, kemm it-tfajla kif ukoll il-ġuvni jħossu li dik id-deċiżjoni kienet l-aħjar ħaġa li setgħu għamlu. Madanakollu, dan mhuwiex dejjem il-każ għax, jekk int kont dik il-persuna li r-relazzjoni ma xtaqthiex tispiċċa, wisq probabbli xorta se tkun għadek tħobb lill-persuna l-oħra u se ssibha vera diffiċli biex timxi ‘l quddiem. Jista’ jagħti l-każ li int ma tkunx trid timxi ‘l quddiem imma tkun trid lil dik il-persuna tbiddel il-ħsieb. Jaf ukoll tibda tistaqsi lilek innifsek kemm se ddum biex tieqaf taħseb fuq dik il-persuna, speċjalment jekk tkun ilha ftit li ħarġet minn ħajtek. Jiġri x’jiġri, meta tkun tħobb lil xi ħadd, mhux faċli tinsa lil dik il-persuna u timxi ‘l quddiem.

Dawn huma wħud mill-affarijiet li wieħed irid jikkunsidra jekk ikun għadu jħobb lil ex u jkun irid jimxi ‘l quddiem:

  • Prova ifhem x’inhi rabta

Ma jfissirx li hekk kif tieqaf relazzjoni se jieqfu l-ħsibijiet u l-emozzjonijiet tiegħek magħha. Meta verament tkun tħobb persuna tispiċċa tintrabat magħħa b’tali mod li jkun vera diffiċli tkisser dik ir-rabta u huwa proċess li jieħu ż-żmien. Għalhekk għandek bżonn tkun paċenzjuż għax huwa proċess li jieħu ż-żmien. Aktar ma titbiegħed mill-persuna, aktar tgħin lilek innifsek timxi ‘l quddiem.

  • Prova sib għeluq ghar-relazzjoni

Billi tipprova tifhem x’wassal għat-tmiem tar-relazzjoni tista’ tgħin aktar lilek innifsek timxi ‘l quddiem. Jekk int u l-persuna l-oħra għadkom titkellmu, prova staqsi mistoqsijiet li jgħinuk tifhem aktar x’ġara u ma ġarax. Din tista’ wkoll tgħinek f’relazzjonijiet futuri.

  • Ara kif tista’ terġa’ tibni l-imħabba li kellek

Jekk qed tfittex lil xi ħadd biex idewwilek il-ferita, jaf ikollok bżonn issib xi ħbieb ġodda biex jgħinuk. Dan ma jfissirx li se jieħdu post l-imħabba li jkollok għal din il-persuna imma jistgħu jipprovdu relazzjoni reċiproka ta’ ħbiberija. B’dan il-mod tista’ wkoll terġa’ tibni l-identità tiegħek.

  • Agħżel jew li taffronta u tara tistgħux tirranġaw l-affarijiet, inkella neħħihom kompletament minn ħajtek

Ħafna drabi, f’din il-ħaġa, jaf ma jkunx hemm it-triq tan-nofs. Ara tistax taffronta lill-persuna l-oħra billi tkellimha fuq l-emozzjonijiet tiegħek u taraw daqsxejn fejn qegħdin għax tajjeb li tkun taf kif għadek tħossok.

  • Ħu ħsieb tiegħek innifsek

Jekk qed tbati, tajjeb li tieħu ħsieb tiegħek innifsek u ara li għandek is-sapport li għandek bżonn. Uħud jaf ikunu jridu joqogħdu waħedhom waqt li oħrajn jaf ikollhom bżonn iżommu ruħhom okkupati.

  • Aħseb ftit fuq il-kuntentizza tiegħek

Jista’ jagħti l-każ li jkun għad għandek emozzjonijiet b’saħħithom ħafna lejn l-ex, però tajjeb li tiftakar li għandek ħafna kontrol fuq l-ammont ta’ kuntentizza u sodisfazzjon li jkollok f’ħajtek. Għalhekk, m’għandekx taħseb li għandek bżonn l-ex biex tkun kuntent jew li tgħaddi l-poter lilha u iffokka fuq x’tista’ tagħmel biex tkun aktar kuntent f’ħajtek.

Ħafna drabi, l-aktar ħaġa li ssib diffiċli hi li tinsa kull ħaġa li tinvolvi dik il-persuna. Fl-aħħar mill-aħħar, tinsiex li kull sitwazzjoni hi unika u ħadd ma jista’ jgħidlek x’deċiżjoni trid tieħu. Però, ħafna drabi, ikun aħjar jekk l-affarijiet jieqfu. Wara kollox, la ħajtek qabel ma kien hemm il-persuna l-oħra fiha kienet teżisti, sinjal li tista’ teżisti mingħajrha wkoll.

Johanna Cutajar is a Master in Counselling graduate from the University of Malta. She works with children and adolescents as a counsellor within the education sector on a variety of issues including relationship issues, trauma, bereavement, transitions, and general mental health.

Referenzi

Escandon, G. (2021). What to Do When Your Are Still in Love with Your Ex. Retrieved from https://www.hercampus.com/sex-relationships/relationships/what-do-when-you-are-still-love-your-ex

Horne, C. (2020). How Can I Move on When I’m Still in Love with My Ex? Retrieved from

https://www.betterhelp.com/advice/relations/how-can-i-move-on-when-im-still-in-love-with-my-ex/