Mhux l-ewwel darba li wara ġurnata xogħol, diversi persuni jsostnu li jħossu ċertu strapazz fil-muskoli, speċjalment mal-ħin ta’ filgħaxija. Dan is-sintomu huwa indirizzat bħala ‘muscle soreness’ u huwa deskritt bħala għajja jew toqol fil-muskolu. Meta persuna jagħmel il-ħidma tiegħu ta’ kuljum, kemm b’mod attiv jew passiv, il-muskolu ikun qed jiċċaqlaq jew jistabilizza partijiet tal-ġisem għal ħin twil. Dan l-irwol jista’ jikkawża l-muskolu biex jgħajja u jrabbi ċertu toqol wara ġurnata xogħol.
Kif jaħdmu l-muskoli u minn fejn jiġi l-‘muscle soreness’?
Il-muskoli huma magħmulin minn serje ta’ ċelloli u fibres twal, li jeħlu ma’ żewġ jew iktar għadam, u jwasslu għal moviment. Dawn il-movimenti jirrikjedu ċertu ammont ta’ enerġija u għalhekk il-muskolu jkollu bżonn kemm zokkor forma ta’ ‘glucose’ u ossiġnu biex jilħaq dan l-għan. Waqt ġurnata ta’ ħidma kontinwa, l-muskoli jonqsilhom il-ħin tal-mistrieħ u ma jibdewx jlaħħqu mad-domanda tax-xogħol. Ghalhekk din id-domanda tikkawża żewġ effetti.
L-ewwel effett huwa li jnaqqas l-ammont ta’ ossiġnu u jibda jipproduċi enerġija mingħajr l-użu tal-ossiġnu. Dan jipproduċi aċtu magħruf bħala ‘lactic acid’ u jinġemma fil-muskoli. Dan il-aċtu huwa l-kawża ta’ ċertu għajja wieħed iħoss fil-muskolu. It-tieni effett huwa li xi fibres mill-muskoli jitilfu ftit mis-saħħa u jibdew jiċċartu, proċess magħruf bħala ‘microtears’. Dan il-proċess huwa kawża tal-ebusija li wieħed iħoss fil-muskolu
X’għandu wieħed jagħmel?
Importanti li wieħed li għandu ġranet attivi jistrieħ sew wara ġurnata xogħol. Il-mistrieħ huwa importanti biex muskolu jsib il-ħin biex inaddaf u jsaħħaħ lilu nnifsu. Jekk wieħed jistrieħ, huwa normali li s-sintomi jitilqu wara tliet ijiem. Stretching u dieta’ tajba jsaħħu u jgħaġġlu il-proċess tal-mistrieħ
Jekk wiehed iħoss dawn is-sintomi wara ġurnata sħiħa bilqiegħda, huwa importanti li wieħed jagħmel xi tip ta’ stretching fuq il-muskolu affettwat biex tnaqqas l-effett tal-‘muscle soreness’. Għal futur huwa importanti li persuni li jagħmlu ġranet sħah bilqiegħda jagħmlu xi attivita’ fiżika biex jsaħħaħ il-muskoli u jnaqqas ir-riskju tal-għajja wara ġurnata xogħol. Fl-istess ħin dieta tajba hija importanti biex tibbilanċja n-nutrijenti li l-muskoli ikollhom bżonn għal funzjoni ta’ kuljum.
Jekk tħoss li s-sintomi mhumiex qed jonqsu, dejjem saqsi fiżjoterapista għal iktar informazzjoni. Tista’ tikkuntatjana hawn.
Roberto Agius huwa fiżjoterapista mal-Willingness. Huwa kiseb esperjenza klinika f’diversi oqsma ta’ riabilitazzjoni klinika.