Hekk kif il-bniedem jimmatura, anke r-relazzjonijiet tiegħu ma’ ħaddieħor jimmaturaw. Filfatt, dik il-persuna li xi darba tkun tifel jew tifla dipendenti fuq ħaddieħor tiżviluppa f’adult indipendenti. Madanakollu, dan mhux dejjem il-każ għax ikun hemm drabi fejn, għal xi raġuni jew oħra, ir-relazzjoni bejn l-ulied u l-ġenituri tieqaf tikber jew tiżviluppa tajjeb. F’dan il-każ, kemm l-ulied kif ukoll il-ġenituri jeħlu fl-irwoli passati tagħhom u jsibuha diffiċli ferm biex jaqtgħu minn ma’ xulxin. Minħabba li dan jista’ jtellef ukoll l-iżvilupp emozzjonali kemm tal-ġenituri kif ukoll tal-ulied, huwa importanti li l-ġenituri jitgħallmu kif jissaportjaw lil uliedhom biex isiru aktar indipendenti. Għalkemm mhuwiex faċli, l-ulied iridu jitgħallmu jsiru indipendenti u jaraw kif jistgħu jkampaw fid-dinja tagħhom li hi separata minn dik tal-ġenituri.
Dawn huma wħud mill-affarijiet li jistgħu jindikaw dipendenza fuq il-ġenituri:
- Jaf tħoss il-bżonn li tabbanduna immedjatament dak li tkun qed tagħmel hekk kif iċċemplulek jew jgħidulek li għandhom bżonn xi ħaġa. L-istess jekk tikkanċella pjanijiet li jaf kellek mal-ħbieb jew kollegi minħabba fihom. Għalkemm hu important li kultant tagħtihom priorità xorta ma jridux ikun qabel kollox u kulħadd f’ħajtek.
- Jista’ jagħti l-każ li tħossok responsabbli għall-mod kif ikunu qed iħossuhom il-ġenituri tiegħek, anke jekk tkun taf li hi xi ħaġa li m’għandekx kontroll fuqha.
- Jaf issib ruħek tigdbilhom biex tevita li tiddiżappuntahom, għalkemm bħala adult tkun taf li int responsabbli tad-deċiżjonijiet tiegħek u l-konsegwenzi tagħhom.
- Issib min anke jiddependi fuq il-ġenituri tiegħu finanzjarjament u dan jaf iwassal biex il-ġenituri jkollhom kontroll fuq x’tixtri, kemm tonfoq, u spejjeż oħra.
- Uħud jħallu lill-ġenituri jeħdulhom ħsieb l-affarijiet biex jaħarbu mir-responsabbiltà.
Jekk tkun drajt tiddependi fuq il-ġenituri, mhux se ssibha faċli biex tnaqqas jew ma tibqax. Dawn huma wħud mill-affarijiet li jistgħu jgħinuk tinbidel u ssir aktar indipendenti:
- Prova tikkuntattjax il-ġenituri kull darba li xi ħaġa tmur hażina, per eżempju kull meta ma tkunx tista’ ssib xi ħaġa jew jiġrilek xi ħaġa. B’dan il-mod, tkun qed idderi lilek innifsek li kapaċi ssolvi dawn l-affarijiet waħdek.
- Hemm differenza bejn relazzjoni b’saħħitha u oħra fejn tkun dipendenti fuq dak li jkun. Għalhekk, tajjeb li tagħti lilek innifsek daqsxejn spazju u jekk hemm bżonn toħloq daqsxejn distanza għal ċertu żmien.
- Ara li qed tagħmel dak kollu li tista’ biex issib xogħol, jekk ma jkollox wieħed u tfaddal il-flus biex tkun anke indipendenti finanzjarjament. Jekk ikun hemm bżonn tissellef mingħand il-ġenituri, ħares lejha daqslikieku qed tissellef mill-bank.
- Ħu ħsieb li tkun taf tieħu ħsieb tal-emozzjonijiet tiegħek mingħajr ma jkollok bżonn il-ġenituri biex tħossok aħjar. Għalhekk tajjeb li tkun taf x’jikkalmak u x’jagħmlek ferħan.
- Tajjeb li tafda lilek innifsek u assigura lilek innifsek li hi ħaġa tajba li tagħmel l-affarijiet waħdek u, fuq kollox, li tiżbalja. Meta tieħu d-deċiżjonijiet int, tkun qed tevita li tinvolvi lill-ġenituri tiegħek. B’hekk titgħallem u tikber.
- Tajjeb ukoll li, kemm jista’ jkun, tkun imdawra b’nies li jkunu indipendenti.
If you think that you can benefit from professional support on this issue you can reach out here.
Johanna Cutajar is a Master in Counselling graduate from the University of Malta. She works with children and adolescents as a counsellor within the education sector on a variety of issues including relationship issues, trauma, bereavement, transitions, and general mental health.
Referenzi
Borresen, K. (2018). 10 Signs You Might Have Unhealthy Boundaries With Your Mum. Retrieved https://www.huffpost.com/entry/unhealthy-boundaries-with-mom_n_5b3bb8a8e4b07b827cbb887f