Meta koppja tibda ssir taf lil xulxin, tinvesti ħafna ħin fil-bidu. Umbagħad jibdew għaddejjin ix-xhur u l-koppja tikkommetti ruħha għal relazzjoni. Minkejja li il-koppja tkun ikkommettiet ruħha għar-relazzjoni ma jfissirx li issa nieħdu lil xulxin ‘for granted’ għaliex kull relazzjoni hija ħajja u rridu nieħdu ħsiebha.
Tajjeb li koppja tibqa’ issib ħin sabiex jitkellmu u jgawdu l-kumpanija ta’ xulxin anki jekk għaddew is-snin. Il-bniedem jinbidel b’kull ċirkostanza tal-ħajja u għalhekk jeħtieġ li nibqgħu nsiru nafu lil xulxin u nkunu nafu minn x’hiex ikun għaddej il-partner tagħna. Bil-ħajja mgħaġġla li ngħixu, kultant nkunu qegħdin ninqabdu fil-ġenn ta’ kuljum. Ħafna drabi nqumu kmieni u ġirja waħda għal ġurnata tax-xogħol, kważi lanqas nkunu għidna kelma u ħadna ‘breakfast flimkien qabel imorru għax-xogħol u wara x-xogħol mitt elf ħaġa oħra; faċendi, ġieri bit-tfal jew appuntamenti, u ftit li xejn jibqa’ ħin għal dawk ta’ madwarna, lanqas ġieli biex npoġġu u nieħdu bela’ te’ flimkien u ngħidu kelma.
Forsi qed tgħid ‘veru, din il-ġurnata tipika tiegħi’. Għalhekk importanti li nibqgħu nsibu ħin għal partner tagħna għaliex din/dan hija l-iktar persuna importanti f’ħajjitna. Minkejja dan, relazzjoni hija xi ħaġa ħajja u għalhekk jeħtieġ li nibqgħu nieħdu ħsiebha bħal ma nsaqqu pjanta sabiex tikber u ma tmutx hekk ukoll jeħtieġ li nagħmlu għar-relazzjonijiet tagħna. Forsi qed tgħidu, imma issa lill-partner tiegħi nafu/nafha, iżda xorta huwa meħtieġ li nibqgħu niskopru lil xulxin tul iż-żmien. Tajjeb li koppja ssib ħin waħedha jiġifieri biex nifthiem aħjar, il-koppja waqt id-‘date night’ tkun waħedha u mhux ma xi ħbieb jew bit-tfal. Dan meħtieġ sabiex il-koppja taqsam mumenti rilassanti u sbieħ flimkien u b’hekk il-koppja jkollha ħin ta’ intimita’, li hija fundamentali għal koppja. Dawn il-mumenti jerġgħu jġeddu l-memorji ta’ meta l-koppja bdiet flimkien, meta kienu għadhom huma biss, speċjalment jekk issa għandhom it-tfal.
Riċerka turi li meta koppja ma ssibx ħin għal xulxin, il-koppja tibda titbiegħed minn xulxin. Xi drabi nsibu koppji li minħabba nuqqas ta’ attenzjoni mill-partner jibdew jersqu lejn persuna ġdida li tkun qed ittihom l-attenzjoni li tkun tant meħtieġha. Dan jista’ jwassal għal l-infedelta’ u din toħloq konflitt kbir bejn il-koppja u minkejja li r-riċerka turi li hemm koppji li baqgħu flimkien wara l-infedelta’ però jkun jeħtieġ ħafna riparazzjoni għal koppja. Sabiex nevitaw dan u ngawdu imħabba sana, tajjeb li niddedikaw ħin għal xulxin.
Anki jekk bħalissa ħabba l-pandemija limitati fejn nistgħu imorru però xorta nistgħu nqattgħu ħin flimkien. Ħa naqsam ftit ideat magħkom ta’ ‘date nights’. Fil-kumpanija tal-partner tagħkom biss, sajjru xi ħaġa flimkien, forsi xi riċetta ġdida jew il-platt favorit tal-partner u forsi araw film. Tistgħu taraw xi video jew ritratti tagħkom stess li ħadtu intom stess ta’ xi mumenti sbieħ; ta’ xi btala forsi. Tistgħu tmorru mixja flimkien jew forsi anki torganizzaw xi serata fejn xtut il-baħar għal kwiet, forsi b’xi ħobża biż-żejt jew pizza waqt li tiddiskutu xi proġett li tixtiequ tagħmlu għad-dar tagħkom stess jew tiktbu ‘bucket list’ li tixtiequ tagħmlu mal-partner tagħkom. U meta ż-żmien jippermetti, morru ġo ristorant favorit tagħkom u araw li wara jkollhom il-ħin sabiex tkunu anki intimi.
Mhux importanti essaċċ fejn koppja tkun, iżda li tkun qed tgawdi il-kumpanija ta’ xulxin, taqsam u tiddiskuti mumenti diffiċli u anki sbieħ u fuq kollox taqsam l-imħabba mal-partner. Ma ninsewx li fil-bidu nkunu nvestejna ħafna ħin sabiex bdejna r-relazzjoni, mela jeħtieġ li dak ngħożżuh u nieħdu ħsiebu. Tajjeb li ‘date night’ issir ta’ l-inqas darba fix-xahar però importanti li l-koppja tiddedika ħin għal xulxin kull ġimgħa, l-ideal ftit ħin kuljum! U ma ninsewx li is-sess u l-intimita’ huwa ingredjent importanti fl-imħabba ta’ bejn koppja.
Rachel Osmond is a Family Therapist with Willingness who works with individuals, couples and families. She also has experience with children and adolescents.