Id-dijabete hija waħda mill-kundizzjonijiet komuni madwar id-dinja, speċjalment fil-gżejjer Maltin. L-aħħar stħarriġ li sar mis-saħħa pubblika, jsostni li kważi 10% tal-popolazzjoni Maltija ‘il fuq minn 18-il sena jbatu minn din il-kundizzjoni. Id-dijabete hija deskritta bħala kundizzjoni kronika fejn:

  1. Il-frixa (bl-Ingliż ‘pancreas’), tipproduċi inqas insulina
  2. Iċ-ċelloli tal-ġisem jkunu inqas sensittivi għal-insulina

Din tista’ żżid jew tnaqqas il-livell taz-zokkor fid-demm, b’riskju li tikkawża iktar problemi fil-funzjoni tal-ġisem. Filwaqt li ċertu tip ta’ dijabete jiddentifika ruħu b’mod ġenetiku jew mit-twelid, (Type I Diabetes), il-maġġoranza tad-dijabete jiġi kkawżat minn diversi fatturi bħal obeżita’, dieta ħażina, inattivita’ fiżika u tipjip (Type II Diabetes). Għalhekk kull persuna għandu d-dmir li jagħmel l-strateġija neċċessarja biex jitgħallem u jnaqqas dawn il-fatturi sabiex inaqqas ir-riskju ta’ din il-kundizzjoni, sew jekk tbati mid-dijabete u anke jekk ma tbatix minnha.

L-importanza tal-fiżjoterapija fid-dijabete

L-għan tal-fiżjoterapija hija li tiggwida u tgħallem persuni kif għandhom jgħixu bil-kundizzjoni tad-dijabete. L-iktar terapija komuni li tintuża mill-fiżjoterapisti hija dik tal-eżerċizzju. Għalkemm kull programm għandu jsir skont il-preferenzi tal-klijent, huwa rrakommandat li ssir 150 minuta ta’ attivita’ fiżika moderata u tliet sezzjonijiet ta’ tisħiħ tal-muskoli fil-ġimgħa.

Għalkemm tinstema’ impossibli fil-bidu, kull qatra ta’ eżerċizzju tgħodd. Għalhekk huwa rrikommandat li wieħed għandu jibda bilmogħod qabel ma jintlaħaq il-livell ideali tal-eżerċizzju. F’każ li tixtieq tipprova u trid timmotiva ruħek biex tibda, fiżjoterapista jista’ jkun t’għajnuna.

Fiżjoterapista huwa mgħallem biex jagħraf is-sintomi u l-effetti li tikkawża d-dijabete. F’dan il-każ fiżjoterapista jista jirreferik ukoll għand professjonisti ohrajn biex jilqa’ minn konsegwenzi li tikkawża din-il-kundizzjoni. Għalhekk huwa importanti li żżomm kuntatt tajjeb mal-fiżjoterapista tiegħek ħalli jista’ joffri l-aħjar kura għalik.

Jekk taħseb li tista’ tibbenifika minn għajnuna professjonali fuq din is-sitwazzjoni, tista’ tikkuntatjana hawn.

Roberto Agius huwa fiżjoterapista mal-Willingness. Huwa kiseb esperjenza klinika f’diversi oqsma ta’ riabilitazzjoni klinika.

Referenzi

Calleja et al. (2016). Diabetes: A National Public Health Priority: A National Strategy for Diabetes 2016-2020. Malta: Ministry of Health.