Naf ġuvni li ilni ħabiba miegħu minn mindu konna żgħar. Malli kbirt bdejt nirrealizza li miġbuda lejh. Qsamt qalbi ma’ ħabiba u tagħtni biżżejjed kuraġġ biex inkellmu dwar kif inħossni. Tkellimtha miegħu u hu spjegali li lili jarani biss bħala ħabiba. Biex ngħidlek il-verita’ kont naf x’kien ġej, imma kif smajtha toħroġ minn fommu ħassejt qalbi tinqasam. Ilni ħafna mnikkta fuq hekk u nixtieq li tagħtini parir dwar x’nista’ nagħmel biex ma nibqax miġbuda lejh.  

Nibda billi ngħidlek li d-dwejjaq li qed tħoss huwa naturali u mad-dwejjaq jistgħu jiġu wkoll ċertu mistoqsijiet jew dubji dwarek innifsek. Iżda huwa importanti li tkun taf li s-sitwazzjoni tiegħek hija waħda li ħafna nies jesperjenzaw. Li qed nipprova ngħid huwa li dan il-ġuvni m’huwiex attratt lejk, mhux bilfors minħabba li inti m’intix tajba biżżejjed, imma sempliċiment għaliex ma jħossux hekk. Allura importanti li ma teħodiex bħala offiża jew insult lejn persuntek.

Il-fatt li ma tridx tibqa’ miġbuda lejh ifisser li diġa’ aċċettajt li ma jista’ jsir xejn bejnietkom. Għalkemm diffiċli, dan huwa l-ewwel pass biex ma tibqax qalbek sewda. Il-pass li jmiss huwa li tipprova żżomm id-distanza minnu għal-perjodu ta’ żmien, kemm wiċċ imb’wiċċ u kemm fil-messaġġi.  Dan nirrikonoxxi li huwa wkoll pass diffiċli immens, speċjalment jekk ilkom ħbieb għal dawn is-snin kollha.

Finalment, huwa importanti li tieħu ħsieb tiegħek innifsek, tkellem ma’ ħabib jew ħabiba tal-qalb jew xi ħadd fil-familja li jkun lest biex jisimgħek.  Huwa importanti wkoll li tieħu gost u tgawdi ħajtek mingħajr ma tħoss il-bżonn li għandek toħroġ ma’ xi ħadd.

 

– Matthew Bartolo is a counsellor specialising in Sex & Relationships.  He offers counselling to both individuals and couples, and runs the sex education services within Willingness.  He can be contacted on matthew@willingness.com.mt