Jiena raġel ta’ 40 sena u ili miżżewweġ xi 6 snin issa ma mara li nħobb ħafna. Meta kont iżgħar kont nittrennja u nista’ ngħid li kelli ġisem pero kemm ili li żżewwiġt, ħabba raġuni jew oħra, naqqast fl-attivita’ fiżika u nammetti li issa rabbejt naqra ż-żaqq. Għal bidu qisu ma tantx tajt każ pero xi sena ilu, naħseb kien, jien u l-mara morna għal-ewwel għuma tas-sajf, kif inħobbu nagħmlu ta’ kull sena, u ħassejtni konxju ftit mhux ħażin. Minn dakinhar qisni ħadtha bi kbira u għidt nagħmel ftit dieta u eżerċizzju pero ż-żaqq kif kienet qed narha baqgħat u qed inħoss li sforz kien għal xejn. Wasalt f’punt issa li gieli taffetwanni meta jien u l-mara inkunu intimi ma xulxin, tant li jitlaqli kull interess jekk biss nilmaħ ir-rifless tiegħi f’mera.

 

Grazzi ħafna talli qsamt din is-sitwazzjoni. Meta nidħlu f’fażijiet ġodda f’ħajjitna il-prijoritajiet għandhom tendenza jinbidlu u sikwit jiġri li l-attivita’ fizika tonqos u wkoll forsi nkunu mgħaġġlin u noqgħodu inqas attenti x’nieklu. Apparti minn hekk, meta nibdew nikbru ftit, ġisimna ma jibqax l-istess. Hemm tendenza li l-metaboliżmu jaħdem iktar bil-mod u jsir iktar faċli li nrabbu tikka piż żejjed. F’dan iż-żmien ta’ social media faċli ħafna li niġu bbumbardjati minn ritratti ta’ nies li għadhom żgħar u fil-prim tagħhom fiżikament – affarijiet li ma jgħinux. Il-fatt hu pero li ġisimna jinbidel maż-żmien u importanti li nkunu realistiċi f’li nistennew minna nfusna.

Madanakollu, ma jfissirx li għandek tirrassenja ruħek għax importanti li tieħu ħsieb tiegħek innifsek. La d-dehra tiegħek importanti għalik, nistiednek toħodha bħala sfida. Forsi tistgħu anki taħdmu fuqha int u l-mara bħala opportunita’ biex issaħħu r-relazzjoni tagħkom forsi billi tmorru gym jew tagħmlu eżerċizzju jew xi sport flimkien. L-iktar importanti naħseb jiena, hu li tieħdu il-bidla tal-ġisem bħala esperjenza esplorattiva – hemm tendenza li meta jinbidel il-ġisem, fejn qabel kien sensittiv forsi ma jibqax, u fejn qabel ma kienx sensittiv isir.  Niftakru li s-sess, għal – kuntrarju li tgħidilna l-midja mhux post fejn nuru ġisimna iżda post fejn niċċelebraw ġisem xulxin billi niffukaw fuq il-konnessjoni u intimita’ mas-sieħeb / sieħba tagħna.

Matthew Bartolo is a counsellor specialising in Sex & Relationships. He offers counselling to both individuals and couples, and runs the sex education services within Willingness. He can be contacted on matthew@willingness.com.mt.