Ilni noħroġ mal-għarus ‘il fuq minn sena u ftit ilu qalli li huwa bisesswali. Dak il-ħin ħadtha naqra bħala xokk għax ma stennejthiex ġejja pero ma ħsibtx wisq fuqha l-ħaġa. Iktar tard pero tkellimna ftit u sirt naf li wieħed li jkun fil-grupp ta’ ħbieb tiegħu kien fil-fatt joħroġ miegħu diversi snin qabel ma ltqajna. Ħassejtni kemxejn imħawda għax hija xi ħaġa kbira biex jgħidli wara iktar minn sena noħorġu flimkien. Qed nibża’ li qalli għax forsi ra xi raġel li jgħoġbu u qanqal fih xi emozzjonijiet. Minn dakinhar ‘l hawn innutajt li nibda nħossni ansjuża jekk jgħaddu xi ftit sigħat mingħajr ma nkun naf x’qed jagħmel: sirt nibża’ li qed ikun ma’ xi wieħed. Nagħmel sforz biex inżomm ġewwa għax naf li ma jiħux gost meta nkun hekk – kien hemm perjodu fil-bidu fejn għaddejna minn fażi simili pero għelibnieha. Min-naħa nixtieq inkellmu dwar li qed inħoss pero forsi aħjar nissaporti ftit forsi l-emozzjonijiet jgħaddu. X’taħseb li għandi nagħmel?

 

L-ewwel nett grazzi talli qsamt magħna din is-sitwazzjoni. Naħseb li huwa normali li tħossok ftit stramba wara aħbar li ma tkunx qed tistenna, wisq iktar mingħand xi ħadd li probabbli tħoss li tafu sew. Nixtieq biss ngħidlek li l-fatt li huwa bisesswali ma jfisser xejn ħlief li jista’ jinġibed lejn persuni ta’ kull sess. Hemm ċertu sterjotip li min ikun bisesswali ma jkunx sodisfatt joħroġ ma’ mara jew raġel biss pero dan mhuwiex minnu. Is-sesswalità tagħna titkellem biss fuq min inħossuna attratti lejhom u m’għandhiex x’taqsam ma jekk inħossux il-bżonn li nkunu ma’ iktar minn persuna waħda jew ma’ jekk aħniex lejali.

Milli qed tgħidli bħala koppja intom diġà għaddejtu minn xi ħaġa simili. Jien naraha bħala xi ħaġa pożittiva għax la għelibtu ostaklu simili fil-passat, itini kuraġġ li jirnexxielkom tgħelbu dan l-ostaklu wkoll. Kieku jien inkellmu dwar kif inħossni, dejjem mingħajr ma nakkużah ta’ xi ħaġa, sabiex it-tnejn nifhmu x’inhu jiġri. Il-komunikazzjoni hija importanti ħafna. Nemmen li ħafna drabi f’każi bħal dawn hija n-nuqqas ta’ komunikazzjoni li tikkawżalna l-iktar ansejtà fir-relazzjonijiet tagħna. Ħudu ħsieb xulxin.

 

Matthew Bartolo is a counsellor specialising in Sex & Relationships. He offers counselling to both individuals and couples, and runs the sex education services within Willingness. He can be contacted on matthew@willingness.com.mt.

You can visit his profile on: https://zme.tec.mybluehost.me/willingnessmt/team/matthew-bartolo/

This blog has been proofread by Keep Calm and Proofread (https://www.facebook.com/keepcalmandproofread)