Hemm ċans tajjeb li persuna kunfidenti tkun temmen fl-abbiltajiet u fil-kwalitajiet tagħha. Li tkun kunfidenti fik innifsek tista’ tfisser li tkun temmen fil-kapaċità tiegħek li tikkontrolla ħajtek u tista’ tirreferi għal meta persuna tkun kunfidenti f’xi ħaġa speċifika aktar milli f’affarijiet oħra. Ir-riċerka turi li l-kunfidenza fina nfusna tgħin mhux biss lis-saħħa fiżika tagħna imma anke l-istat psikoloġiku tagħna. Dan jista’ wkoll iwassal għal aktar suċċess fil-ħajja tagħna, kemm dik personali kif ukoll dik professjonali. Ħafna drabi, nies li jkunu kunfidenti fihom infushom, ikunu jidhru aktar trankwilli fuq ix-xogħol, dak li jkun iħossu komdu jafdahom aktar u, bis-saħħa tagħhom, jaf ħaddieħor iżid aktar il-kunfidenza fih innifsu. Fortunament, hemm diversi modi kif wieħed jista’ jżid il-kunfidenza fih innifsu. 

1. Iffoka fuq il-ħiliet tiegħek

Din tista’ tgħinek iżżid il-kunfidenza għax ikollok bżonn tkejjel is-suċċess u l-abbiltajiet tiegħek. Apparti li tagħmel lista tal-ħiliet tiegħek, tista’ wkoll tniżżel dak li tkun irnexxielek tikseb. Tista’ tikkunsidra li taqrahom kull filgħodu jew inkella f’ħin ieħor matul il-ġurnata. Tajjeb ukoll li tiċċelebra s-suċċessi tiegħek, ikunu kemm ikunu żgħar.

2. Agħmel xi ħaġa li jaf tkun daqsxejn ta’ sfida għalik

Tista’ tipprova tiddedika ftit mill-ħin tiegħek għal xi ħaġa li lilek togħġbok ħafna. Tista’ wkoll tipprova tagħmel affarijiet żgħar oħra li meta tagħmilhom tħossok aħjar jew tipprova xi passatemp ġdid, xi attività ġdida jew taqra ktieb fuq xi suġġett differenti.

3. Affaċċja l-biżat tiegħek

Minflok twaqqaf l-affarijiet biex tħossok aktar kunfidenti fik innifsek, agħmel dak li għandek tagħmel anke jekk anke jekk timbarazza lilek innifsek jew taħseb li se tagħmel ħafna żbalji. Jaf tiskopri li meta tkun daqsxejn anżjuz jew tagħmel xi ftit żbalji, issir aktar kunfidenti fik innifsek. 

4. Tgħallem meta għandek tgħid le

Ma tagħmilx ħażin li tgħid le għal dawk l-affarijiet li jagħmluk tħossok agħar flok aħjar. Dan mhux qed ngħidu li wieħed ma jagħmel xejn li bih iħossu skomdu għax l-iskumdità jaf tkun tkun parti mill-proċess ta’ żvilupp personali. Fl-istess ħin, hu tajjeb li tkun taf meta għandek tgħid le u żżomm ma’ din il-kelma. 

5. Ipprattika kliem pożittiv fuqek innifsek

Meta tuża’ kliem negattiv biex titkellem fuqek innifsek tkun qed tnaqqas l-abbiltajiet tiegħek u tnaqqas il-kunfidenza fik innifsek. Mill-banda l-oħra, meta tuża’ kliem pożittiv tista’ tegħleb id-dubji fuqek innifsek u tieħu sfidi ġodda. Minflok persuna tgħid “Din hi impossibli”, tista’ tgħid “Din nista’ nagħmilha”, jew “Kulma rrid nagħmel hu li nipprova.” Minflok ngħidu “Ma nista’ nagħmel xejn tajjeb” nistgħu ngħidu “Għallinqas tgħallimt xi ħaġa”, jew “Id-darba li jmiss nista’ nagħmel aħjar.”

6. Ħu ħsieb tiegħek innifsek

Importanti li torqod biżżejjed u taħseb ukoll fuq id-dieta tiegħek. Hemm ċans tajjeb li meta tiekol b’mod regolari u żżomm il-livell taz-zokkor stabbli tħossok aħjar u jkollok aktar enerġija. Apparti minn hekk, wieħed tajjeb ukoll li jipprova jagħmel xi forma ta’ eżerċizzju fiżiku biex iħossu aħjar mentalment. Wieħed jaf ukoll iħossu aħjar meta jqatta’ daqsxejn ħin barra mid-dar, speċjalment x’imkien fin-natura u jevita li jdur għall-alkoħol jew droga biex iħossu aħjar. 

Jekk tkun pruvajt xi wħud minn dawn imsemmija hawn fuq, però xorta waħda tħoss li mhux biżżejjed, ta’ min jikkunsidra l-possibiltà li jattendi xi forma ta’ terapija. Bl-għajnuna tat-terapista, jaf issib modi kif tkampa ma’ dawn l-esperjenzi li jaffettwaw kif tħossok.

Jekk taħseb li tista’ tibbenefika minn appoġġ professjonali dwar din il-kwistjoni tista’ tagħfas hawn.

Johanna Cutajar hija gradwata fil-Masters in Counselling mill-Università ta’ Malta. Hija taħdem mat-tfal u l-adolexxenti bħala konsulent fis-settur tal-edukazzjoni fuq varjetà ta ‘kwistjonijiet inklużi kwistjonijiet ta’ relazzjoni, trawma, luttu, tranżizzjonijiet, u s-saħħa mentali ġenerali.

Referenzi

Morin, A. (2023). How to Be More Confident: 9 Tips That Work. Retrieved from https://www.verywellmind.com/how-to-boost-your-self-confidence-4163098