Hemm ċans tajjeb li tispiċċa mingħajr enerġija meta jkollok ħafna affarijiet jiġru f’daqqa, argumenti u, possibbilment, nuqqas ta’ sapport min-naħa tal-ħbieb u tal-familja. Dan jaf inaqqaslek il-kapaċità li tieħu ħsieb tiegħek innifsek u ta’ ħaddieħor u, konsegwenza t’hekk, tonqoslok il-paċenzja u tiffrustra ruħek aktar malajr.

L-għeja tista’ tkun riżultat tal-istress relatat mal-ħajja personali jew max-xogħol jew taħlita tat-tnejn li huma. Hemm ċans tajjeb li meta tħossok bla enerġija tkun eżawrit emozzjonalment, stressjat u tonqoslok ħafna l-motivazzjoni. Dawn li ġejjin huma xi ftit strateġiji li jisgħtu jgħinu persuna li tkun qed tħossha bla enerġija.

Strateġiji ta’għajnuna jekk tħosshok bla enerġija:

  • L-eliminazzjoni ta’ dak li jkun qed jistressjak

L-ewwel u qabel kollox, wieħed għandu jgħaraf iċ-ċirkostanzi li jgħejjuh u jipprova, kemm jista’ jkun, ma jkunx espost għalihom. Per eżempju, jekk taf li x-xogħol li qed tagħmel qed jikkawżalek ħafna stress, jaf ikun wasal iż-żmien li tbiddel ix-xogħol. 

Wieħed għandu jikkunsidra dieta bilanċjata li, primarjament, tkun tikkonsisti minn frott, ħaxix, u legumi minflok ikel li fih ħafna zokkor, moqli jew proċessat. Għalkemm l-ikel sustanzjuż jissemma ħafna, jagħmel differenza kbira meta nkunu stressjati. Dan għaliex mhux talli jipprovdi l-vitamini u l-minerali li għandna bżonn, iżda jgħin fid-diġestjoni, fl-irqad, u fil-livelli t’enerġija li jaffettwaw anke l-istat mentali tagħna.

Ċertu kimiki ta’ ġisimna li jtejbu l-istat mentali tagħna jiġu rilaxxati meta nagħmlu xi forma ta’ eżerċizzju fiżiku. L-eżerċizzju fiżiku jgħin ukoll biex naljenaw rasna mill-problemi li nkunu qed nesperjenzaw. Ta’ min jikkunsidra li jdaħħal l-eżerċizzju fiżiku fir-rutina tiegħu, imqar jekk jagħmel mixja ta’ nofs siegħa kuljum. 

L-irqad hu importanti għas-saħħa mentali tagħna. Idealment, wieħed ikun konsistenti fil-ħin li jmur jorqod u jimmira biex jorqod bejn tmienja u disgħa sigħat kuljum. Din ir-rutina tgħinek tirrilassa u torqod aħjar. 

  • Li tagħmel użu minn tekniki differenti

Hemm diversi modi kif wieħed jista’ jirrilassa, speċjalment jekk jinnotta li qed ikun stressjat u għajjien ħafna, fosthom li jieħu n-nifsijiet fil-fond, li jimmedita, u li jirrilassa l-muskoli.

  • Li tiffoka fuq il-preżent

Meta tibqa’ ffukkat fuq il-preżent, se tħossok aktar kalm fuq dak li jista’ jisstressjak fil-futur. Barra minn hekk, meta taħseb li m’intix daqshekk stressjata, hemm ċans tajjeb li verament tħossok inqas stressjata u b’hekk is-saħħa mentali tiegħek tmur għall-aħjar. Tajjeb ukoll li żżomm f’moħħok li l-istress jgħaddi biż-żmien u mhux se jibqa’ hemm għal dejjem.

  • Li tiffoka fuq dak li tista’ tikkontrolla

Meta tiffokka fuq dak li tista’ tikkontrolla, qed tfakkar lilek innifsek li bir-riżorsi li għandek tista’ tikkontrolla s-sitwazzjoni. Dan jista’ jgħinek tħossok aħjar dwar is-sitwazzjoni.

  • Li titkellem ma’ xi ħadd li tista’ tafda

Hemm ċans tajjeb li tnaqqas mill-istress li jkollok meta titkellem wiċċ imb’wiċċ ma’ xi ħadd. Minkejja li, il-persuna l-oħra mhux neċesserjament se ssolvilek il-problemi li jkollok, però jaf tkun kapaċi tisimgħek tajjeb ħafna. Xi ħabib jew membru tal-familji jista’ jisimgħek mingħajr ma jiġġudikak. 

Fl-aħħar mill-aħħar, tiddejjaqx tfittex is-sapport ta’ professjonist biex titkellem dwar dak li jkun qed jinkwetak u titgħallem strateġiji li tista’ tuża’ biex tkampa. Aktar ma’ dan il-proċess isir kmieni aktar aħjar għax dak li jkun jevita li jispiċċa fi stat ta’ dipressjoni.

Referenzi

Legg, T.J. (2023). Emotional Exhaustion: What It Is and How to Treat It. Retrieved from https://www.healthline.com/health/emotional-exhaustion#symptoms

Johanna Cutajar is a Master in Counselling graduate from the University of Malta. She works with children and adolescents as a counsellor within the education sector on a variety of issues including relationship issues, trauma, bereavement, transitions, and general mental health.

If you think that you can benefit from a consultation, you can reach out here.