X’inhi l-fibromyalgia? Fibromyalgia hija kundizzjoni li tikkawża uġiegħ speċifikament fil-muskoli u l-għadam tal-persuna. Hija wkoll kklassifikata bħala marda kronika, iġifieri li ddum għaddejjha tul ta’ snin mhux bħal meta jaqbdek riħ, tieħu l-mediċina u wara ftit jgħaddiliek. Il-fibromyalgia, tista’ tiġi tifforma parti mill-identità tal-individwu. Sfortunatament, tista’ tieħu tul ta’ żmien u tkun diffiċli biex xi ħadd jirċievi d-dijanjosi tal-fibromyalgia. Ir-raġuni ġeneralment hi għax ma hemmx testijiet diretti li jiddeterminaw xi ħadd għandux il-kundizzjoni jew le. Filfatt, id-dijanjosi aktar tinvolvi ħarsa speċifika lejn is-sintomi li jkun qed jippreżenta bihom il-persuna, wara li jiġu eskluzi kundizzjonijiet oħra li jistgħu jippreżentaw b’mod simili. Bħala kundizzjoni, tista’ taffetwa lil kulħadd b’mod differenti, u tvarja wkoll ġurnata b’ġurnata. Kull individwu bil-fibromyalgia, għandu l-istorja tiegħu dwar l-esperjenza tal-fibromyalgia. Riċerka turi li il-fibromyalgia taf taffettwa madwar 1 minn 25 persuna ġewwa l-Ewropa, u hi l-aktar prominenti fin-nisa.
X’inhuma s-sintomi u kif tiġi kkawżata l-fibromyalgia?
Kull kundizzjoni kronika iġġib magħha sintomi fiżiċi, psikologiċi u anke emozzjonali. Riċerka turi illi s-sintomu l-aktar prominenti huwa l-uġiegħ fil-muskoli u l-għadam. Pero hemm sintomi oħra bhal għejja, dardir, uġiegħ ta’ ras, nuqqas ta’ irqad, tbiddil fil-piż, tnemnim, burdata ħażina, frustrazzjoni u irritabilta. Dawn is-sintomi jvarjaw ma kull persuna, għax jinvolvu fatturi differenti bħal eta’, ġeneru u x-xogħol tal-persuna.
Il-fibromyalgia tista’ tiġi kkawżata minn fatturi differenti bħal trawmi jew inċidenti fid-dahar, trawmi psikoloġiċi fit-tfulija, stress ta’ kuljum fost xi fatturi oħra.
Kif tista’ taffetwa l-individwu li jkollu l-fibromyalgia?
Din il-kundizzjoni tista’ iġġib magħha stress kemm lil persuna bil-fibromyalgia u kif ukoll lin-nies ta’ madwarhom, li jridu jduru bihom u jieħdu ħsiebhom. Tafettwa ħafna r-relazzjonijiet man-nies ta’ madwarhom; is-sieħeb/ is-sieħba, ir-raġel/ il-mara, l-ulied, il-ġenituri, ħbieb; fi ftit kliem ieħor, taf taffetwa b’modi differenti lin-nies involuti fiċ-ċirku soċjali tal-persuna. Dan kollu jiddependi skond kemm il-kundizzjoni tkun avvanzata u taffetwa aspetti differenti mill-ħajja. Il-kundizzjoni, bla ma trid tista’ tħalli impatt fuq l-individwu. Apparti l-effett li tħalli fuq saħħet il-bniedem, tista’ taffetwa wkoll b’mod emozzjonali u psikoloġici. Dawn jistgħu jkunu bħal tibdil fir-rutina tax-xogħol ħabba l-għejja, appuntamenti diversi, tqanqil ta’ anzjeta u biża, ħsibijiet fuq x’jista jiġri, tqanqil ta’ dubji u forsi anke tista’ tafettwa l-kunfidenza u s-self esteem ta’ dak li jkun.
X’għajnuna teżisti għal min ibati mill-fibromyalgia?
Aktar milli kura għal-fibromyalgia, hemm xi trattamenti u mediċini li forsi jtaffu u jikkontrollaw is-sintomi bħal innaqsu l-uġiegħ, u jgħallmu lil individwu kif jaddatta u jgħix bil-fibromyalgia. Tipi differenti ta’ terapija bħal Cognitive Behavioural Therapy taf tkun effettiva għal ċerti persuni li jbatu mill-fibromyalgia għax tgħin lil individwu jiffoka fuq l-emozzjonijiet, ħsibijiet, u aġiri, speċjalment jekk il-persuna tkun tbati mill-anzjeta u dipressjoni ikkawżata mill-fibromyalgia innifisha. Wieħed għandu jiddiskuti mat-tabib tal-familja u jistaqsi għal għajnuna li jista jirreferi għaliha. Professjonisti differenti fil-qasam tas-saħħa jistgħu jkunu ta’ għajnuna, bħal tobba, fiżjoterapisti, terapisti jew psikoloġisti.
Apparti għajnuna professjonali, huwa importanti wkoll li jkollna sapport ta’ familja jew ħbieb madwarna fejn nistgħu niftħu qalbna magħhom dwar dak kollu li nkunu għaddejjin minnu u niftakru biex infittxu l-għajnuna fejn hi meħtieġa.
- Imrie, R. (2017). Fibromyalgia. InnovAiT, 10(1), 45-50.
- Häuser, W., Ablin, J., Fitzcharles, M. A., Littlejohn, G., Luciano, J. V., Usui, C., & Walitt, B. (2015). Fibromyalgia. Nature reviews Disease primers, 1, 15022.
Danica Cassar iggradwat fil-psikoloġija mill-universita ta’ Malta din is-sena. Ilha taħdem ma’ Willingness Team għal dawn l-aħħar tlett snin, fejn taħdem f’diversi oqsma ġewwa t-tim. Għal aktar informazzjoni tista’ tikkuntatjaha fuq danica@willingness.com.mt or 79291817.