Jiena armel b’żewġt itfal u xi sitt xhur ilu bdejt noħroġ ma’ partner ġdida. Immorru tajjeb flimkien – naqblu ħafna fuq dawk l-affarijiet li nikkunsidraw importanti – u riċenti issuġġeriet li nlaqggħu it-tfal tagħna ma’ xulxin. Hija armla bħali u għandha tifel ta’ 9 snin, daqs il-kbira tiegħi. Naħseb li idea tajba anki għaliex kemm jien u kemm hi nixtiequ li eventwalment ngħixu ma’ xulxin avolja t-tnejn li aħna qbilna li aħjar nieħdu l-affarijiet pass pass. M’inix ċert jekk hux idea tajba li nlaqqgħu it-tfal tagħna ma’ xulxin għalissa pero’ jew jekk għandniex inħallu tikka oħra għax huma qatt ma ltaqgħu magħna lanqas. Taħseb li qed ninkwieta ż-żejjed?

 

Qed nieħu gost nisma’ li sibt partner u li t-tnejn li intom tħossukom tajbin ma’ xulxin. Naħseb li qed tagħmel mistoqsija importanti ħafna għax f’każi hekk it-tfal huma importanti speċjalment jekk ikollhom ċertu żmien. Ġeneralment hija idea tajba li relazzjoni taqbeż is-sena qabel ma t-tfal jiltaqgħu magħhom għax qisu wara sena ħafna relazzjonijiet ikunu iktar stabbli. Dan għaliex it-tfal malajr jorbtu qalbhom ma’ dak li jkun u jekk tiefqu toħorġu ma’ xulxin u jispiċċaw ma jarawhiex iktar taf taffetwhom għax ikunu tilfu lil xi ħadd li jħobbu.

Idealment tħallu ftit iktar ħin jgħaddi anki sabiex issiru tafu lil xulxin iktar qabel ma tlaqqgħu lil xulxin mat-tfal, u lit-tfal ma’ xulxin. Taf tkun idea tajba wkoll li fil-bidu tiġu introdotti bħala ħbieb lit-tfal qabel ma tgħidulhom li qed toħorġu flimkien. Naħseb importanti wkoll li jekk taslu sal-punt li tkunu tridu toqgħodu flimkien, it-tfal ikunu parti mid-deciżjoni. Sitwazzjonijiet hekk huma sensittivi u kumplessi ħabba li hemm kemm ir-relazzjoni bejnek u bejnha, kif ukoll bejnek u binha, u bejnha u t-tfal tiegħek, kif ukoll bejn it-tfal tagħkom it-tnejn. Dawn kollha importanti u għandhom post fid-dinamika. Ħudu ħsieb tagħkom ilkoll.

 

Matthew Bartolo is a counsellor specialising in Sex & Relationships. He offers counselling to both individuals and couples, and runs the sex education services within Willingness. He can be contacted on matthew@willingness.com.mt.