Reading Time: 2 minutes

Jiena omm ta’ żewġt itfal, tifel u tifla, u x-xahar li għadda t-tifel, li huwa l-kbir, għalaq 13-il sena. Qed insir iktar konxja li t-tfal qed jimmaturaw u li f’kemm trid ikunu skoprew is-sesswalità tagħhom u jkollhom x’jaqsmu ma’ xi ħadd. Nammetti inkwetata ftit għax nibża’ li jlaqqtu xi infezzjoni mis-sess jew li ma joqgħodux attenti u jispiċċaw bit-tfal meta ma jkunux lesti. L-iskola naf li jkellmuhom ftit dwar dawn l-affarijiet. Taħseb li jkun biżżejjed jew li għandi nkellimhom jien ukoll avolja ma nħossni komda xejn?

 

Naħseb din hija dilemma li jgħaddu minna diversi ġenituri, speċjalment issa li aħna iktar konxji ta’ infezzjonijiet trażmessi sesswalment (STIs) u s-sesswalità u s-saħħa in ġenerali. Nemmen li filwaqt li l-iskejjel għandhom irwol importanti fl-edukazzjoni tat-tfal minn dan l-aspett, il-ġenituri għandhom parti kbira mir-responsabbiltà li jedukaw lil uliedhom. Nifhem pero’ li huwa suġġett li għal ħafna huwa diffiċli jitkellmu fuqu ma’ uliedhom stess. Nemmen li avolja suġġett skomdu, huwa ferm aħjar li jiġi mitkellem milli li t-tfal jibilgħu infezzjoni ħabba nuqqas ta’ informazzjoni.

Hemm riċerka li turi li kważi nofs tal-każi ta’ STIs ġodda kull sena fl-Amerka jkunu minn żgħażgħah ta’ bejn 15 u 24 sena. Din turi li importanti li ma nħallux wisq tard biex nitkellmu fuq dawn l-affarijiet ma’ uliedna, pero’ ovjament importanti li jkunu kbar biżżejjed li jifhmu. Dan iż-żmien bl-aċċess tagħna għal informazzjoni fuq l-internet, tistaġibx jekk it-tfal diġa jkollhom xi idea ta’ dawn l-affarijiet. Pero’ jaf ikun li jkollhom biss informazzjoni parzjali u ma jkunux fehmu kollox, għalhekk importanti ħafna li bħala ġenituri inkellmu lit-tfal tagħna, speċjalment fuq punti prattiċi ta’ prevensjoni bħal kif tuża kondom. Importanti wkoll li jifhmu l-fatt li mhux kull tip ta’ kontraċettiv inaqqas ir-riskju ta’ trażmessjoni.

 

Matthew Bartolo is a counsellor specialising in Sex & Relationships. He offers counselling to both individuals and couples, and runs the sex education services within Willingness. He can be contacted on matthew@willingness.com.mt.

You can visit his profile on: https://zme.tec.mybluehost.me/willingnessmt/team/matthew-bartolo/