Reading Time: 2 minutes

Jien mara ta’ 35 sena, miżżewġa b’tewmin ta’ 7 snin. Nemmen ħafna fl-importanza ta’ l-attivtia’ fizika u minn żgħożiti dejjem kont nieħu sehem f’xi sport jew atletika l-iskola. Xi sena ilu ridt nerġa nibda u bdejt immur il-gym. Riċentament qabbadt personal trainer biex jiggwidani fid-dieta u l-eżerċizzju għax ħassejt li waħdi kont qed nagħżaq fl-ilma. Hu ħelu u għadu żgħir – xi 10 snin iżgħar minni. Immorru tajjeb ħafna flimkien u mal-ewwel klikkjajna, tant li sikwit nibqgħu nitkellmu wara li nittrennja. Inħoss li jismani u jifhimni, u nieħu pjaċir inqatta’ ħin miegħu. L-aħħar darba spiċċajna ħadna kafé wara u qattajna siegħa flimkien, u meta wasalt id-dar gdibt lir-raġel għax bżajt li jekk ngħidlu l-verita’ joħodha ħażin. It-trejner qatt ma għamel avanzi ta’ l-ebda mod lejja u ġenwinament nieħu gost nitkellem miegħu għax inħossni mismuha u stmata. Inħoss li ma qed nagħmel xejn ħażin pero lir-raġel u lit-tfal inħobbhom ħafna. Qed nibża li jekk inkompli niltaqgħa miegħu barra training u jsir jaf ir-raġel, żewġi jweġġgħa u jkun hemm il-problemi.

 Grazzi ħafna talli qsamt magħna din is-stiwazzjoni kemmxejn ikkumplikata. Huwa normali li tħossok tajba meta xi ħadd jagħtik attenzjoni pożittiva li forsi tkun xi ftit jew wisq nieqsa f’ħajjitna. Speċjalment f’każ bħal dan – bħala personal trainer huwa parti minn xogħolu li jifforma rapport tajjeb mal-klijenti tiegħu anki għax iżid iċ-ċans li jżomm il-klijent. Jiġri ta’ spiss li forsi nintilfu xi ftit fir-rwoli tagħna ta’ ġenituri, mara tad-dar, eċċ, u ma nieħdux ħsieb kemm hemm bżonn tar-relazzjoniji. Jiena nħobb nistaqsi lil għala nagħżlu li naħbu xi ħaġa mis-sieħba / sieħeb tagħna, speċjalment meta vera naħsbu li ma qed nagħmlu xejn ħażin.

Il-lejalta’ lejn is-sieħeb / sieħba tagħna ma tinkisirx biss ladarba jsir kuntatt fiżiku ma’ persuna oħra.  Il-maġġoranza tad-drabi l-infedelta’ tkun bdiet ħafna qabel il-kuntatt fiżiku.  Hu propju l-ammont ta’ deċiżjonijiet u ġustifikazzjonijiet li nkunu għamilna matul iż-żmien li jwassalna għal kuntatt fiżiku.  L-ewwel nibdew billi naċċettaw messaġġ li jispiċċa b’bewsa, u wara ftit nirrispondu b’bewsa aħna wkoll.  Lil moħħna nikkonvinċuh li dik it-tferfira f’qalbna hi ġustifikata għax mhux hi biss flirt.  Imbagħad jirnexxilna nikkonvinċu lil moħħna li cafe’ wieħed biex nisimgħu lil persuna li tant għandha bżonn tiftah qalbha mhux ħaġa ħażina, avolja nagħżlu restorant għal – kwiet u lis-sieħeb tagħna ngħidulu li konna banda oħra.  U nibqgħu sejrin hekk sa ma niġu f’sitwazzjoni li nħossuna ħatja u maħbuba b’tagħli mod li nagħżlu x’nagħżlu se nweġġgħu lil xi ħadd.

Fil-każ tiegħek ninkoraġġik li tara’ sew x’inhu importanti għalik. Jekk qed tibża’ li jekk tkompli tiltaqgħa miegħu tirriskja tagħmel ħsara lir-relazzjoni tiegħek mar-raġel u t-tfal, forsi jeħtieġ li tevita’ tqatta’ ħin żejjed mat-trainer.

 

Matthew Bartolo is a counsellor specialising in Sex & Relationships. He offers counselling to both individuals and couples, and runs the sex education services within Willingness. He can be contacted on matthew@willingness.com.mt.