Jiena mara u għalija l-karriera hija importanti. Ilni miżżewġa mar-raġel ftit iktar minn sena u nofs, u konna minn qabel ma żżewwiġna tkellimna fuq il-karriera tiegħi u kien aċċetta li għalija waħda mill-prioritajiet; anzi kien qalli li hekk għandu jkun. Xi nofs sena ilu kelli promozzjoni li kont ili nistenna x-xogħol u minħabba f’hekk sikwit qed inkun imsiefra, ġimgħa ‘l hawn u ġimgħa ‘l hemm. Għal-ewwel kollox kien sew imma l-aħħar ftit drabi li sifirt beda jinsisti li jiġi miegħi. L-ewwel darba aċċettajt imma jien fil-verità xogħol inkun u kważi xejn ma jkolli ċans noqgħod miegħu. Ma narax is-sens li nonfqu l-flus biex jiġi miegħi biex imbagħad jispiċċa jkollu joqgħod waħdu xorta. L-aħħar darba għidtlu hekk u ħa għalih, qisni ma rridx inqatta’ ħin miegħu. Ma setax ikun iktar żbaljat, imma jekk irid iqatta’ iktar ħin miegħi aħjar insibu iktar ħin meta nkun Malta bil-kwiet! Tista’ tgħinni nifhmu?
Milli qed tgħidli jista’ jkun li sempliċiment iħossu waħdu meta inti tkun imsiefra u forsi huwa t-tip ta’ persuna fejn li jkun waħdu tikkawżalu l-ansjetà. Jista’ jkun li tkun xi ħaġa li ġejja minn meta kien żgħir u ta’ min jirrifletti fuqha pero’ jista’ jkun ukoll li ma jsibx x’jagħmel. Nixtieq nistaqsik, huwa għandu passatempi? Għandu ħbieb li jiltaqa’ magħhom? U kif jaġixxi meta ma tkunx imsiefra? Għax mod jekk jaġixxi l-istess meta tkun Malta u mod ieħor jekk le.
Jista’ jkun ukoll li bħala persuni għandkom bżonnijiet differenti fejn tidħol il-kumpannija. Ċertu nies ikollhom bżonn iqattgħu iktar ħin waħedhom filwaqt li oħrajn ikollhom bżonn iqattgħu iktar ħin ma nies oħra. Kieku jien nikellem ftit bil-kwiet miegħu sabiex nifhem iktar għaliex ikun jixtieq jiġi, u kif tistgħu tilħqu kompromess. Jaf jgħinu jekk isib passatemp (jekk m’għandux) jew affarijiet oħra li jista’ jagħmel meta inti tkun imsiefra, jew forsi ma jiddejjaqx li jitla’ miegħek avolja inti tkun xogħol. Jew forsi li tqattgħu iktar ħin flimkien meta tkunu Malta kif għidt inti stess.
Matthew Bartolo is a counsellor specialising in Sex & Relationships. He offers counselling to both individuals and couples, and runs the sex education services within Willingness. He can be contacted on matthew@willingness.com.mt.