Is-safar jista’ jfisser numru t’affarjiet għal persuni differenti. Hawn min ifittex is-safar għal bidla fir-rutina u l-ambjent, jew għal opportunita’ li jqatta’ ħin fuq btala ma’ dawk il-persuni li huma għal qalbu, kif ukoll għas-sens t’ avventura li jista jġib mieghu is-safar, fost raġunijiet oħrajn. Din is-sena, numru ta’ persuni ħassew in-nuqqas t’opportunitajiet għal safar u ta’ dak li s-safar jġib miegħu. Nixtieq naqsam magħkom ftit ideat li jistgħu jkunu ta’ sapport għal dawk li qiegħdin jħossu n-nuqqas tas-safar.
Irrifletti ftit fuq dak li għandek bżonn
Kif għidna qabel, persuni differenti jfittxu s-safar għal raġunijiet differenti. Irrifletti ftit fuq x’inhuma dawk l-affarjiet li l-iżjed tħoss in-nuqqas tagħhom u agħmel lista tagħhom. Jekk tipikament issiefer ma’ persuni oħrajn bħal membri oħra tal-familja tiegħek, tista tikkunsidra li tagħmel il-lista flimkien magħhom u flimkien tkunu tistgħu tiddiskutu x’inhuma l-affarjiet li qiegħdin tħossu n-nuqqas tagħhom.
Aħseb f’modi kreattivi
Kif tista tagħmel l-aħjar użu mir-rizorsi li għandek madwarek? Taħseb li hemm modi kif tista tgawdi l-affarjiet li niżżilt fil-lista tiegħek waqt li qiegħed jew qiegħda f’pajjizek? Xtaqt naghti ftit eżempji ta’ kif tista’ tagħmel dan.
Jekk tħoss in-nuqqas tal-possibilta’ li tagħmel affarjiet differenti minn dak li tagħmel is-soltu, tista’ tibda billi tfittex ftit positijiet lokali li għadek qatt ma żort jew postijiet barra minn triqtek li rari żżur. Forsi tista’ tirriċerka postijiet godda fejn tista’ tmur tiekol, veduti li tista’ tmur tgawdi, postijiet sbieħ fejn tmur timxi. Tista’ ukoll tagħmel skeda ta’ dawn il-postijiet u meta bi ħsiebek iżżurhom, speċjalment jekk is-soltu tieħu gost tippjana qabel tmur għal btala. Dejjem hemm il-possibilta’ li tkun spontajnu jew spontanja, u tara fejn tispiċċa jekk issuq matul triq gdida li qatt ma provajt qabel.
Jekk forsi tħoss in-nuqqas ta’ ħin speċjali mal-persuni li huma għal qalbek, forsi tistgħu tippjanaw l-attivitajiet li semmejna diga’ flimkien. Numru ta’ persuni japprezzaw il-fatt li waqt safra, jkollhom l-opportunita’ li jħallu warajhom għal ftit xi responsabbiltajiet li tipikament jirrikjedu ammont t’enerġija u ħin, bħal pereżempju x-xoghol. F’dak il-każ tista’ tevalwaw jekk huwiex possibli li tippjanaw ftit ġranet barra mix-xogħol; forsi wkoll jekk huwiex possibli li taqta’ għal ftit minn mezzi ta’ kommunikazzjoni bħal emails u messaġġi oħrajn.
Naturalment dawn huma biss ftit ideat; pero’ il-ħsieb kien li nistidinkom tkunu ftit keattivi biex minkejja l-limitazzjonijiet tas-sitwazzjoni li ninsabu fiha, xorta waħda nsibu mod kif nieħdu ħsieb tagħna nfusna, ngawdu lil xulxin, u ta’ kif nagħmlu memorji ġodda.
Rebecca Cassar is a Family Therapist practicing the Systemic Approach. She specializes in offering therapy to families, couples and individuals who are experiencing distress in their relationships. She can be contacted on rebecca@willingness.com.mt or call us on 79291817.