“Kont sibtha diffiċli ħafna wara li nfridt minn mal-mara biex nħossni tajjeb emozzjonalment u nerġa’ nibda nibni relazzjoni oħra. Waħda mill-fatturi li kienet tagħmilha diffiċli li niltaqa’ ma’ xi ħadd, kienet biex insib il-ħin li noħroġ meta t-tfal ma jkunux miegħi. Bejn xogħol, faċendi u qadi, u l-ġiri bit-tfal, kont inkun għajjien u ma kienx jifdalli ħafna ħin fil-verita`. Wara li rnexxieli nsib lil xi ħadd u konna qed inkunu kuntenti ma’ xulxin, iddeċidejna li nlaqqgħu ‘l uliedi mat-tifla tagħha. Kellna ħafna tama li t-tfal ħa jingwalawha u jaċċettaw lil xulxin speċjalment peress li kellhom interessi komuni u kienu kważi kollha ta’ eta` viċin ta’ xulxin. Kemm kellna żball! Kull darba li jiltaqgħu kienu jispiċċaw jiġġieldu u jikkompetu ma’ xulxin għall-attenzjoni! U kienu qed ikunu territorjali lejn il-ġenitur tagħhom… lanqas kont stajt ngħid kelma favur it-tifla tas-sieħba meta jinqala’ kunflitt bejniethom!”[1]

Matul is-snin nistgħu ninnutaw li numru ta’ relazzjonijiet jew żwieġ jispiċċaw u jwasslu biex l-adulti jiffurmaw żwieġ jew jingħaqdu f’koabitazzjoni oħra wara l-ewwel relazzjoni. Fir-riċerka ta’ Shalay u Brownlee (2008) l-istatistika turi li 75% ta’ nisa divorzjati jerġgħu jiżżewġu fi żmien ta’ 10 snin u minn dawn, 86% jkollhom it-tfal mill-ewwel żwieġ u jinkluduhom fit-tieni żwieġ. Dan ifisser li importanti nifhmu x’jgħin f’din id-dinamika ta’ blended family. Iktar u iktar meta jkun hemm  fatturi li jagħmlu d-dinamika iktar kumplessa; per eżempju jekk ikun hemm tfal involuti, jekk ikun hemm tfal involuti taż-żewġ adulti, u iktar u iktar jekk ikun hemm tfal mir-relazzjonijiet rispettivi ta’ qabel u jerġa’ jkun hemm wild mir-relazzjoni l-ġdida.

Xi ħaġa li hi importanti ħafna li żżomm f’moħħok meta qed tibni familja ġdida hija li kull persuna involuta qed tesperjenzaha l-bidla. Din il-bidla iġġib magħha aspettativi differenti, rwoli ġodda u ħafna adatazzjoni ta’ kif wieħed għandu jġib ruħu mal-oħrajn. Dan ifisser li jrid ikun hemm proċess fejn il-bidla tiġi mitkellma b’mod ċar u t-tfal għandhom jingħataw l-ispazju li jitkellmu fuq x’ħa jkun hemm differenti u spazju biex huma jesprimu l-inkwiet u forsi xi mistoqsijiet li għandhom.

Riċerka oħra turi li ħafna tfal jista’ jkun li jħossu n-nuqqas tal-ġenitur bijoloġiku li jkun qed iqatta’ l-ħin mat-tfal l-oħra u għalhekk jibdew iħossuhom li m’humiex daqshekk parti mil-familja. Din jiġri speċjalment meta minħabba xi arranġament ta’ aċċess, forsi jkunu qed iqattgħu inqas ħin fil-familja milli qed iqattgħu t-tfal l-oħra. F’dan il-każ, il-ħin għandu jkun mqassam sew b’tali mod li dan il-wild iħoss li l-adulti qed jieħdu interess fih u li jħobbuh ukoll, li jieħdu interess fih u fl-affarijiet li jkun qed jagħmel u li jinħolqu attivitajiet fejn kullħadd huwa inkluż.

Fattur ieħor li forsi jtellef lit-tfal milli jibnu relazzjoni tajba ma’ xulxin, hu meta esperjenzaw ħafna tibdil f’relazzjonijiet. Meta jkun hemm il-biża li relazzjoni ħa tieqaf, hemm ċans li jibdew jibzgħu jinvestu u jikkommettu ruħhom lejn dawn il-membri ġodda. Ovvjament dan ħadd ma jkollu ċertezza li relazzjoni ħa taħdem jew le u ma tkunx tista’ toffri ċertezza lit-tfal. Iżda tgħin li żżomm kkomunikazzjoni miftuħa mat-tfal fejn tispjegalhom x’ser jiġri u x’tibdil ħa jkun hemm fil-ħajja tagħhom biex b’hekk iħossu ċertu sens ta’ kontroll u sigurta`.

Abigail Church is a Humanistic Integrative Counsellor who works with adults and children through counselling with Willingness. She can be contacted on abigail@willingness.com.mt or call us on 79291817. 

Referenzi:

  • Steinbach, Anja, & Hank, Karsten. (2018). Full-, Half-, and Step-Sibling Relations in Young and Middle Adulthood. Journal of Family Issues, 39(9), 2639-2658.
  • Sanner, Caroline, Russell, Luke T, Coleman, Marilyn, & Ganong, Lawrence. (2018). Half-Sibling and Stepsibling Relationships: A Systematic Integrative Review. Journal of Family Theory & Review, 10(4), 765-784.
  • Shalay, Nancy, & Brownlee, Keith. (2007). Narrative Family Therapy with Blended Families. Journal of Family Psychotherapy, 18(2), 17-30.

[1] Rakkont fittizju.