Reading Time: 2 minutes

Jiena tfajla ta’ 21 sena u ftit tax-xhur ilu bdejt noħroġ ma’ ġuvni ta’ 19. Huwa bniedem passjonat u ġentili – kwalitajiet li nħobb ħafna f’ħaddieħor. Inħoss li mmorru tant tajjeb li narana nqattgħu il-kumplament ta’ ħajjitna flimkien. Xi drabi pero’ nnutajt li jaġixxi b’tali mod li jidher li qed jieħu gost iħossu superjuri minn ħaddieħor. Qatt m’għamilha miegħi pero’ minn kif ġieli jitkellem fuq ħaddieħor jidher ċar li huwa l-każ. Tant affettwatni li kelli nkellmu dwarha, għax nammetti ma setgħetx tinżilli, u qalli li huwa konxju tagħha pero’ li ma jarax li hija problema. Qal pero’ li jekk hija xi ħaġa li ddejjaqni hu lest li jaħdem fuqha. Jien għalija l-istess baqa’ pero’ ma nafx x’naqbad nagħmel għax hija kwalità li timbuttani u nibża li fil-futur nargumentaw sew fuqha. Pero’ vera nixtieq li jirnexxielna flimkien.

 

Kemm huwa diffiċli xi kultant li naċċettaw l-agħar f’ħaddieħor! Faċli ħafna li naċċettaw it-tajjeb, pero’ il-ħażin, ħafna drabi, huwa iktar diffiċli li naċċettawh f’dawk li nħobbu. Diffiċli, pero’ nemmen li importanti. Naħseb din hija parti normali fl-iżvilupp ta’ relazzjoni fejn nibdew insiru nafu lati oħra tal-partners tagħna li jew ma tantx ikunu vizibbli jew forsi anke ma nkunux irridu naraw.

Jidher li bħala kwalità dejqitek ħafna fih. Huwa veru li m’hijiex kwalità wisq pożittiva, pero’ kieku jien nipprova nifhem eżatt għaliex iddejjaqni daqshekk fih. Xi kultant, pero’ mhux dejjem, kwalitajiet li jdejjquna ħafna f’ħaddieħor fil-verità jkunu wkoll tagħna pero’ forsi ma narawhomx. Nistiednek li tirrifletti ftit fuqek innifsek jew anki titkellem ma’ ħbieb tiegħek ħalli anki tifhem iktar għaliex iddejqek daqshekk bħala kwalità. Naħseb importanti li int u hu titkellmu ftit u taħdmu fuqha flimkien. Hemm ċans li anki jekk jaħdem fuqha, xi ftit minn żmien għal żmien dil-kwalità ħa toħroġ. Nemmen li huwa importanti wkoll li naċċettaw lil-partners tagħna bħalma fil-verità huma, kemm bit-tajjeb u kemm bil-ħażin. Fuq kollox aħna kollha bnedmin bit-tajjeb u bil-ħażin tagħna.

 

 

Matthew Bartolo is a counsellor specialising in Sex & Relationships. He offers counselling to both individuals and couples, and runs the sex education services within Willingness. He can be contacted on matthew@willingness.com.mt.