Reading Time: 2 minutes

Jiena tfajla ta’ 23 sena, u xahrejn ilu bdejt noħroġ ma’ waħda. S’issa sejrin sew pero’ l-aħħar darba konna qed nitkellmu waqt li nixorbu żewġ cocktails u staqsietni kif inħossni dwar li ninkludu waħda oħra fir-relazzjoni tagħna. Għal-ewwel tħassibt għax ħsibtha qed taqlibhieli pero’ wara ċċarat ruħha li hija u l-persuna l-oħra li kieku tkun involuta huma poliamorużi. Qatt ma kont smajt biha u meta staqsejtha qaltli li huma nies li jkunu f’relazzjoni m’iktar minn persuna waħda fl-istess ħin u li jkunu jħobbuhom kollha kemm huma. Nammetti tħawwadt u dak il-ħin għidtilha li ma nafx x’ħa naqbad ngħidilha. Għalija qisu sempliċiment tkun qed taqlibhieli bil-pulit. Erġajna ltqajna minn dakinhar u la jien u lanqas hi ma semmejniha pero’ ma nafx x’se naqbad ngħidilha. Tista’ ttini parir?

 

L-ewwel nett grazzi talli qsamt magħna din is-sitwazzjoni. Din li qed issemmi, poliamori, taf tidher mill-bogħod simili għal infedeltà pero’ fil-verità hija xi ħaġa differenti. Nies li huma poliamurużi, kif qaltlek hi, jkunu involuti f’relazzjoni ma’ iktar minn persuna waħda fl-istess ħin. Differenza kbira, u kruċjali, li hemm bejn infedeltà u relazzjoni poliamuruża hija li filwaqt li fl-infedeltà waħda mir-relazzjonijiet issir wara dahar ħaddieħor, f’relazzjoni poliamoruża mhux biss il-persuni kollha jkunu konxji ta’ kull membru, imma kull min hu involut ikun aċċetta minn qabel. Fi kliem ieħor, fl-infedeltà il-fiduċja ta’ bejn il-partners hija traduta, filwaqt li fil-poliamori kull membru hija aċċettata bħala membru fir-relazzjoni ta’, per eżempju, tliet min-nies.

Kun af li mhux neċessarjament kull relazzjoni poliamoruża hija ta’ natura sesswali. Ġieli, jekk nieħdu l-eżempju ta’ relazzjoni bejn tlieta, ikun hemm atti sesswali bejn tnejn min-nies, pero mhux mat-tielet persuna. Forsi r-relazzjoni magħha tkun iktar ta’ natura romantika jew emozzjonali.

Naħseb fil-każ tiegħek importanti li tiddiskutuha flimkien għax affarijiet li ma jiġux mitkellma sikwit isiru riżentiment li imbagħad jivvelena r-relazzjoni. Huwa importanti li titkellmu, u naħseb li tiċċara magħha kemm xi tħoss dwar l-idea ta’ poliamori, u kif ukoll hi eżatt x’għandha f’moħħha.

 

 

 

Matthew Bartolo is a counsellor specialising in Sex & Relationships. He offers counselling to both individuals and couples, and runs the sex education services within Willingness. He can be contacted on matthew@willingness.com.mt.