Wara li żewġ persuni jiżżewġu huwa komuni li jkunu jridu jqattgħu iżjed ħin flimkien wara ħafna preparamenti u mumenti li jistgħu jkunu pjuttost stressanti. Għalhekk, bosta koppji jagħżlu li wara t-tieġ imorru vaganza flimkien biex ikunu jistgħu jirrilassaw u jgawdu lil xulxin. Hawn diversi pajjiżi fejn wieħed jista’ jmur għal-vaganza. Dawn il-pajjiżi jvarjaw minn postijiet ġewwa l-Ewropa stess għal kontinenti oħrajn. Peress li Malta hija gżira, il-maġġoranza tal-vaganzi jkunu jinvolvu li l-persuna trid taqbad ajurplan. Filwaqt li għal ħafna nies s-safar iġib miegħu eċitament, għal nies oħrajn jista’ jkun li s-safar iġib miegħu emozzjonijiet oħrajn bħal biża’ jew paniku.
F’ċirkostanzi fejn persuna ma tkunx trid issiefer għaliex qed tibża’ mil-ajruplan, tajjeb li din il-persuna tevalwa l-għażliet kollha qabel tieħu deċiżjoni. Sabiex wieħed isiefer, mhux bilfors irid jaqbad ajruplan imma jista’ wkoll jivvjaġġa bil-vapur. Wieħed jista’ jmur cruise fejn ikollu l-possibilta` li jżur pajjiżi differenti f’dawn it-tip ta’ vaganzi. Barra minnhekk, jekk wieħed jaqbad vapur u jmur sa Sqallija, minn hemm ikun jista’ jivvaġġja għal postijiet oħrajn fl-Ewropa billi jsuq u jagħmel dak li nsejħu ‘roadtrip’.
Għal dawk il-persuni li jixtiequ jaqbdu ajruplan però l-ħsieb biss ukoll iqabbadhom biżà kbira, hemm x’jista’ jsir f’dan ir-rigward. Bl-għajnuna ta’ nies professjonali bħal psikologi tista’ tingħata terapija speċifika għal persuni li jkollhom xi biżà jew phobia. ‘Cognitive Behavioural Therapy’ (CBT) hija tip ta’ terapija fejn il-professjonist ikun jista’ jgħin lil klijent tiegħu billi jħarsu lejn il-ħsibijiet tal-klijent u flimkien jifmuhom b’mod aħjar. Ħafna drabi biżgħat li persuna jkollha jkunu ġejjin minn ħsibijiet irrazzjonali. Għalhekk ikun hemm bżonn li dawn il-ħsibijiet jiġu kkontestati sabiex il-persuna tkun tista’ tirrealiżża li dawn il-ħsibijiet m’għandhomx bażi sabiex ikunu hemm. Possibiltà oħra hija li persuna jkun ġrala xi ħaġa fil-ħajja tagħha u għalhekk tkun żviluppat biża’ minħabba dawn l-esperjenzi. Jekk ikun ġara hekk, xorta huwa possibli li persuna taħdem ma’ persuna professjonali biex tgħinha tipproċessa dawn l-esperjenzi negattivi li tkun għaddiet minnhom.
Fl-aħħarnett, jekk wara li tkun ikkunsidrajt l-għażliet kollha tibqa’ tħossok mwerwer milli taqbad ajruplan, bħala koppja tistgħu tagħżlu li għalissa tipposponu milli tmorru għal ‘honeymoon’ . Kultant jista’ jkun hemm pressjoni li wara li tiżżewweġ trid bilfors tmur għal ‘honeymoon’ għax hekk qisu mistenni mil-koppja u għax ħafna nies hekk jagħmlu. Forsi jekk tmorru sa Għawdex għalissa jkun biżżejjed biex tirrilassaw flimkien. Meta l-persuna li għandha l-biża’ tħossha lesta li taffaċċja din il-biża’, forsi bi ftit għajnuna wkoll, mbagħad jaf ikun il-mument opportun li tmorru għal vaganza flimkien bl-ajru.
Dr Marilyn Muscat is registered as an Educational Psychologist with the Health and Care Professions Council in the United Kingdom where she trained. She works with children, adolescents and their families to understand more about educational, social and emotional well-being concerns that they have and to help them improve upon their difficulties. She can be contacted on marilyn@willingness.com.mt or call us on 79291817.