Jiena mara u, nħossni mbarazzata ngħid, inħobb nara l-pornografija. Ili miżżewġa lir-raġel kważi 3 snin issa u ngħidlek is-sew qatt m’għidtlu għax ma rridux jaħsibni li jien ‘mara bla xaba’ jew li nixtieq irġiel oħra floku. Jiena sempliċiment inħobb nara ftit pornografija minn żmien għal żmien. Naf li hemm nisa oħra li, bħali, jħobbu jarawha pero’ xorta nħossni ftit skomda, kważi qisu qed nagħmel xi ħaġa ħażina. Jiena u r-raġel għandna relazzjoni tajba u nitkellmu ma xulxin fuq kollox, u vera nixtieq ngħidlu għax hija xi ħaġa żgħira u nħossni naqra banali nżomm ħaġa hekk għalija meta qsamna tant affarijiet flimkien. Għandi ngħidlu?

 

Huwa veru li in ġenerali hemm iktar irġiel li jħobbu jaraw il-pornografija milli nisa imma, kif għidt inti, hemm numru ta’ nisa li jħobbu jarawha wkoll. M’hemm xejn ħażin billi mara (jew raġel) tara l-pornografija sakemm ma tkunx qed tintuża biex tgħarraq emozzjonijiet ta’ dissotisfazzjoni fir-relazzjoni minflok dawn jiġu affaċċjati. F’dak il-każ importanti li dawn jiġu diskussi mill-iktar fis però fil-każ tiegħek dan ma jidhirx li hu l-każ.

Sfortunatament is-soċjetà, bil-vantaġġi kollha tagħha, taf tagħmel ftit ħsara meta tgħallimna affarijiet bħal ‘in-nisa ma jarawx pornografija’, impressjoni li hija wisq iktar b’saħħitha f’każ ta’ mara sodisfatta fir-relazzjoni tagħha. Għalhekk issib ħafna każi nisa jistħu jammettu li jħobbu jarawha avolja m’hix xi ħaġa ħażina. Nemmen li hija xi ħaġa li, bħal ħafna oħrajn, tista’ tiġi mitkellma bla biża’, speċjalment mal-partners tagħna.

Fl-aħħar mill-aħħar hija deċiżjoni tiegħek, pero’ skond jien m’hemm xejn ħażin billi tgħidlu. Importanti wkoll li tikkunsidra ftit x’tip ta’ persuna hu u kif jaf jieħu dik it-tip ta’ informazzjoni, anki sempliċiment biex tpoġġijha b’mod li jsibha faċli biex jaċċettha. Naħseb importanti wkoll għax jekk isir jaf mingħajr ma tgħidlu inti, jaf jaħseb li mhux jissodissfak jew li tkun qed taħbi affarijiet oħra minnu.

 

 

 

Matthew Bartolo is a counsellor specialising in Sex & Relationships. He offers counselling to both individuals and couples, and runs the sex education services within Willingness. He can be contacted on matthew@willingness.com.mt.