“Qas biss nista’ nemmen li waqa’ fil-vizzju tad-droga! Kien qed jagħmel kollox bil-moħbi tiegħi, imma issa sirt naf u tlift il-fiduċja fih kompletament. X’ser naqbad nagħmel? Għandi nemmen dak li qed jgħidli u li verament se jinbidel? Għad hemm tama għar-relazzjoni tagħna?” Din tista’ tkun l-esperjenza personali ta’ min xi darba jew oħra kien ma’ xi ħadd li waqa’ fil-vizzju tad-droga.

Il-vizzji jagħmlu ħafna ħsara u jaffettwaw ħajjitna, inkluż il-karriera, il-familja, iż-żwieġ, opportunitajiet, libertà u saħħa. Ħafna drabi, l-ewwel ħaġa li titlaq hija l-fiduċja għax persuni oħra jibdew isibuha verament diffiċli biex jafdaw il-persuna li waqat fil-vizzju. Dan jagħmel ħafna sens minħabba li l-persuna vvizzjata jaf ma tibqax iżomm il-wegħdiet li tkun għamlet, tibda titfi l-mowbajl, tħassar messaġġi jew telefonati, tigdeb fuq fejn tkun sejra, tispiċċa mingħajr flus jew ma tkunx qed tiffunzjona tajjeb minħabba d-droga. B’konsegwenza ta’ dan ir-relazzjoni ta’ bejn il-koppja tinbidel ħafna u ma tibqax waħda b’saħħitha. Persuna vvizzjata jkollha bżonn tivvinta l-istejjer għall-iskopijiet ta’ moħħha biex iġġib id-droga li tant ikollha bżonn u li ma tkunx tista’ tgħaddi mingħajrha. Infatti, l-għan prinċipali ta’ persuna li tagħmel użu minn xi sustanza jkun wiehed: dak li ġġib u tuża’ s-sustanza.

Min jagħmel użu tajjeb li jifhem li l-emozzjonijiet tal-persuna l-oħra hemm ċans tajjeb li jinbidlu skont dak li tagħmel int. Il-membri tal-familja jkunu jixtiequ jemmnu li int qed tgħid il-verità, li se titlobhom maħfra għax verament jiddispjaċik u li se tagħmel minn kollox biex tinbidel. Però l-affarijiet jinbidlu meta jaraw li l-wegħdiet mhux qed jinżammu, li l-gideb hu kontinwu u li l-persuna l-oħra qed twaqqgħek ħażin kuljum. Dawn il-punti jistgħu jgħinu lil xi hadd li qiegħed f’relazzjoni ma’ persuna li waqgħet fil-vizzju tad-droga jew ta’ kwalunkwe vizzju ieħor:

  • Tajjeb li tifhem li l-gideb hu frott tal-effett li għandha d-droga fuq il-moħħ u għalhekk tajjeb li tisseparahom mill-persuna. Trid tifhem ukoll li dak li qed jagħmel qed iħalli effett fuq il-ħsibijiet u l-azzjonijiet tiegħu, u hu r-raġuni għalfejn qed jieħu deċiżjonijiet żbaljati u jweġġgħek.
  • Ħafna drabi, meta jkun hemm l-uġigħ, jidħol is-sens ta’ ħtija. Ghalhekk, is-sieħeb tiegħek jaf jakkużak fuq xi affarijiet li għalik ikunu xokkanti. Dan jista’ jwassal għal għadd ta’ sigħat tipprova tiddefendi lilek innifsek minn dawn l-akkużi li tant iweġġgħu u jaf tibda wkoll tonqos il-fiduċja fik innifsek. Għalhekk tajjeb li titgħallem tafda lilek innifsek, anke jekk is-sieħeb tiegħek ma jkunx qed jaqbel miegħek fuq ċertu affarijiet u minkejja l-imħabba li jkollok lejh. Meta tafda lilek innifsek tkun qed tgħin lilek innifsek biex tafda lil ħaddieħor.
  • F’kull relazzjoni, il-komunikazzjoni hi essenzjali għax tgħin lir-relazzjoni tikber u tissaħħaħ. Minħabba li hemm ċans tajjeb li l-vizzju jaffettwa r-relazzjoni, tajjeb li taħseb sew fuq dak li tkun tixtieq tikkomunika u turi kif qed tħossok billi s-sentenzi tipprova tpoġġihom fl-ewwel persuna “jien”. Minħabba l-frustrazzjoni li tista’ tinħoloq, tajjeb li tippjana l-konverżazzjonijiet f’ambjent privat u kalm biex it-tnejn li intom tħossukom aktar komdi tiftħu qalbkom ma’ xulxin.
  • Biex ir-relazzjoni tkun waħda b’saħħitha, tajjeb li tistabbilixxu linji gwidi li jikkonċernaw ċertu responsabbiltajiet, kliem u azzjonijiet li tistgħu timxu magħhom.
  • Fl-aħħar mill-aħħar, tajjeb li żżomm f’moħħok li dawn l-affarijiet jieħdu ħafna ħin u li l-fiduċja ddum ħafna aktar biex terġa’ tinbena.

Importanti ħafna li fejn jidħlu vizzji, wieħed ifittex l-għajnuna u jiċċekkja jekk jistax jibbenefika minn xi programm adattat għal vizzju li jkun waqa’ fih. Int ukoll tista’ tfittex l-għajnuna għax ikollok bżonn lil xi ħadd jifhem minn xiex tkun għaddejja u jiggwidak kif tista’ tieħu ħsieb tiegħek innifsek  f’dan il-vjaġġ daqshekk diffiċli.

Jekk tħoss illi għandek bżonn sapport dwar din il-problema tista tagħmel appuntament hawn.

Johanna Cutajar is a Master in Counselling graduate from the University of Malta. She works with children and adolescents as a counsellor within the education sector on a variety of issues including relationship issues, trauma, bereavement, transitions, and general mental health.

Referenzi

Patterson, E. (2021). How Drug Addiction Hurts Relationships. Retrieved from https://drugabuse.com/guide-for-families/addiction-hurts-relationships/

Vertava Health (n.d.). How to Trust a Person with Addiction. Retrieved from https://vertavahealth.com/blog/how-to-trust-a-person-with-addiction/