Kemm int lest li tisma’?
Li tikkomunkia m’hux biss kemm kapaċi titkellem iżda tajjeb li żżomm f’moħħok dawn il-punti:
- Inkoraġġixxi lil min qed jitkellem biex jelabora dak li qed jgħid
- Agħti biżżejjed ħin lil dak li jkun
- Staqsi għall klarifikazzjoni fejn hemm bżonn
- Tiddejjaqx tistaqsi “Għalfejn”
- X’inhu l-veru messaġġ?
- Tikkritikax, tmaqdar jew tiġġudika
- Tista’ ma taqbilx ma li qed jintqal iżda m’għandekx għalfejn tkun ostili
Meta tisma’ l ħaddieħor importanti illi tiffoka fuq il-persuna. Sabiħ illi tistaqsi domandi li jinkoraġġixxu l-persuna biex tidħol f’iktar dettall u tesploraw biex tifhmu x’ġara u għaliex ġara l-avveniment illi qed jitkellem fuqu. Meta tkun preżenti u qed tagħti kas, tiġik naturali ukoll illi tistaqsi għal xi klarifikazzjoni, u tifhem x’inhu l-messaġġ li għandu bżonn jitwassal. Mhux kullħadd kapaċi li jkun ċar fi kliemu u ġieli xi ħadd ikun qed jitkellem fuq xi ħaġa iżda jkun hemm xi ħaġa iktar profonda li f’dak il-mument forsi ma jkunux qed iħossuhom komdi li jitkellmu fuqha. Eżempju, ġieli xi ħadd jibda jmaqdar lil xi ħadd jew xi ħaġa meta fil-verità jkun hu li qed iħossu inisgur u anzjuż. Meta tikkritika jew tmaqdar, il-persuna l-oħra ssir difensiva u tagħmel distanza biex iżżomm ruħha sigura. Dan joħloq ostaklu għall-komunikazzjoni.
Kif nikkomunka ma’ uliedi?
Bejn l-adulti huwa iktar faċli li kullħadd jagħraf li huwa indaqs, u ħadd m’għandu jħossu superjuri għal ħaddieħor. Illi jekk tmaqdar u tiġġudika tispiċċa toħloq distanza ma’ dak li jkun. Mat-tfal dawn il-punti huma kollha validi iżda minħabba fin-natura tar-relazzjoni, huwa ħafna iktar faċli li tispiċċa tikkmanda u tisforza l-opinjonijiet tiegħek fuq min hu tifel jew tifla.
Uliedkom qed jikbru u jfittxu li jkunu iktar indipendenti, għalhekk il-komunikazzjoni għandha tirrifletti imħabba (Connectedness) u awtorità (Boundaries). Il-ġenitur għandu juża kliem pożittiv u ta’ kuraġġ.
It-tfal meta jikbru jibdew ifittxu li jsiru iktar indipendenti u jinqatgħu minn mal-ġenitur. Jekk meta kienu żgħar kont tkun taf fejn qegħdin u x’qed jagħmlu u minn xiex għaddejjin minnu, iktar ma jikbru din iktar tonqos. Huwa proċess naturali li t-tfal jkunu jridu juru l-karattru tagħhom u jistabilixxu l-personalità tagħhom. Għalhekk huwa mportanti li nifhmu li dan huwa naturali u li t-tfal ma jkunux qed jagħmlu hekk bħala attakk personali fuqna fir-rwol ta’ ġenitur. Iżda r-realta tkun illi dejjem jibqgħu jħossu l-bżonn għall-ġenitur, anke jekk ma jkunux qed juru hekk. Għalhekk importanti illi nibqgħu nkunu assertivi ma’ uliedna u noffrulhom l-istruttura, iżda fl-istess ħin ma nkunux riġidi iżżejjed u nisimgħuhom.
Punti tajbin li għandek iżżomm f’moħħok:
- Kun preżenti
- Sib il-ħin
- Tihom l-attenzjoni
- Oħloq opportunitajiet fejn tistgħu titkellmu
- Ibda l-konverżazzjoni
- Aqsam magħhom il-ħsibijiet tiegħek ukoll
- Ħu interess f’dak li jħobbu
Jekk uliedek iħossu li kapaċi tirrelata magħhom, ħa jfittxu li jagħmlu kuntatt miegħek darboħra. Dan jagħmluh meta:
- Turihom li qed tisma’
- Tiffoka fuqhom meta jkellmuk u tieqaf milli tkun qed tagħmel
- Turi interess mingħajr ma tinterrompihom, anke jekk ma taqbilx ma li qed jgħidu.
- Ma tmaqdarx u ttihom l-ispazju biex jitkellmu
Meta tiffoka fuq uliedek u ttihom l-attenzjoni li jistħoqilhom inti tkun qed turihom li huma mportanti għalik u li inti tirrispettahom bħala individwi. Dan juri rispett u li inti ġenwinament tagħti kashom u li huma għandhom il-valur tagħhom. Meta tagħtihom l-importanza tagħhom, mingħajr ma tqabbilhom ma ħaddieħor u mingħajr ma tmaqdarhom, huma jitgħallmu jagħtu valur lilhom innfushom ukoll u tgħin biex ma jiżviluppawx vuċi interna li tkun dejjem qed tmaqdar u titfa’ f’dawl ikrah dak kollu li jkunu qed jagħmlu.
Irrispondi billi tkun pożittiv fl-interazzjoni ma’ uliedek billi ma tirrabjax u ma tkunx aggressiv magħhom anke jekk ma taqbilx ma li qed jgħidu. Urihom li fhimt il-punt tagħhom u ivvalida dak li qalulek, wara agħti l-opinjoni tiegħek ukoll. Iffoka fuq uliedek waqt il-konverżazzjoni u mhux iddawwarha fuqek u dejjem kun lest li toffri kritika kostruttiva.
Importanti li nżommu f’moħħna li biex nikkomunikaw tajjeb ma’ uliedna rridu nkunu lesti li niżviluppaw ħiliet fuq kif nitkellmu magħhom fuq affarijiet li jaffetwawhom; li nitgħallmu fuq x’inhu jiġri ma’ tfal tal-età tagħhom u li nfittxu l- għajnuna ta’ professjonisti jekk inħossu li hemm bżonn sapport fuq ċerti aspetti.
Abigail Church is a Humanistic Integrative Counsellor who works with adults and children through counselling with Willingness. She can be contacted on abigail@willingness.com.mt or call us on 79291817.