Qabel ma raġel jiltaqa’ ma’ mara u jiddeċiedi li din ser tkun il-mara tiegħu, il-probabilta` hija li ommu kienet il-mara ewlenija ta’ ħajtu. L-omm mhux dejjem issibha faċli li taċċetta lill mara tat-tifel u spiss nisimgħu diskors bħal “ħadituli”. Dan it-tip ta’ diskors ma jgħinx biex il-mara tħossha aċċettata mil-kunjata u għalhekk jistgħu jinħolqu diffikultajiet fid-dinamika tar-relazzjoni tagħhom. L-ideali jkun li kulħadd ikun jinġiegħeb u jmur tajjeb flimkien u r-raġel ikun jista’ jkollu relazzjoni tajba u b’saħħitha kemm ma’ ommu kif ukoll mal-mara. Fil-prattika pero nafu li dan mhux dejjem huwa minnu u nsibuha spiss li r-raġel jgħid li l-mara u ommu ma jaqblux. Bla dubju, dan jista’ joħloq stress żejjed bejn il-koppja fejn ir-raġel iħosshu maqbud fin-nofs bejn ommu u l-mara. Dawn li ġejjin huma ftit punti dwar x’tista’ tagħmel jekk sibt ruħek f’din is-sitwazzjoni.

Kun ftit realistiku dwar l-aspettatitivi tiegħek, jekk huma ma jaqblux, tistennix li ser isiru ħbieb. Jekk jaslu f’punt li jkunu jistgħu jittolleraw lil xulxin fejn forsi ma joqgħodux jgħaddu kummenti dwar xulxin jew inkella xi botti, dan diġa huwa pass il-quddiem. Forsi kull darba li tmur għand ommok m’hemmx għalfejn tiġi l-mara wkoll miegħek imma hi tiġi inqas spiss ħalli hekk inti tkun tista’ tgawdi lil ommok mingħajr ma jkun hemm tensjoni żejda.

Tajjeb li forsi jkollok konverżazzjoni separata ma’ ommok u mal-mara dwar il-fatt li inti ma tridx tidħol bejniethom jew inkella li jpoġġuk f’sitwazzjoni fej trid tagħżel bejniethom. Dan ifisser li jekk ikollhom xi argument ma joqgħodux isaqsuk minn minnhom taħseb li għandu raġun jew inkella ma’ min ser iżżomm. Għidilhom li jekk ikun hemm xi diżgwid bejniethom l-aħjar li jitkellmu u jippruvaw jirranġaw is-sitwazzjoni bejniethom mingħajr il-medjazzjoni tiegħek. Tajjeb li huma jifhmu wkoll li fid-dinja mhux dejjem naqblu bejnietna u mbilli jkollok opinjoni differenti minn xulxin ma jfissirx li għandek għalfejn tiġġieled u targumenta.

F’dawn it-tip ta’ sitwazzjonijiet huwa importanti li l-‘boundaries’ ta’ inti x’lest li tittollera ikunu ċari, imbagħad tikkomunika dan lill mara u lil ommok. Pereżempju, jekk tisma’ lil xi ħadd minnhom jgħajjar lill persuna l-oħra din ma tkunx xi ħaġa li inti tittollera. Għalkemm huma ma jaqblux bejniethom xorta għandu jkun hemm element ta’ rispett. Jekk hemm bżonn li tkunu flimkien fl-istess attivita`, bħal xi ikla tal-Milied, forsi tifthiemu biex dakinhar jippruvaw jagħmlu naqra iżjed sforz biex ikunu ċivili ma’ xulxin. Jekk għandkom it-tfal, importanti li lanqas dawn ma jidħlu bejniethom u ma jsirx diskors quddiemhom kontra l-persuna l-oħra sabhiex it-tfal ikollhom iċ-ċans li jkollhom l-opinjoni tagħhom mingħajr influwenzi esterni.

Dr Marilyn Muscat is registered as an Educational Psychologist with the Health and Care Professions Council in the United Kingdom where she trained. She works with children, adolescents and their families to understand more about educational, social and emotional well-being concerns that they have and to help them improve upon their difficulties. She can be contacted on marilyn@willingness.com.mt or call us on 79291817.