Il-bnedmin huma min-natura tagħhom attivi u motivati minnhom infushom, kurjużi u ħerqana li jirnexxu għax is-suċċess innifsu huwa personalment sodisfaċenti. Madankollu, iċ-ċirkostanzi u l-ambjent li nkunu fih jistgħu jħalluna aljenati, jew passivi u diżappuntati.
It-trawwim ta’ perċezzjonijiet ta’ kompetenza, awtonomija u relazzjonijiet isaħħaħ l-motivazzjoni intrinsika tan-nies. Li tissodisfa dawn it-tliet ħtiġijiet psikoloġiċi universali, tkun qed tippromwovi l-aħjar motivazzjoni u twassal għal riżultati psikoloġiċi aħjar.
Awtonomija – li jkollna l-perċezzjoni ta’ kontroll fuq dak li nagħmlu – għall-kuntrarju ta’ nuqqas ta’ kontroll hija importanti fil-kisba ta’ għanijiet intrinsiċi fl-oqsma kollha ta’ ħajjitna (Deci & Ryan, 2010).
Kif nistgħu nsaħħu l-motivazzjoni tagħna?
Uża l-Inċentivi bir-reqqa
Ir-riċerkaturi sabu li jekk tippremja lin-nies talli jagħmlu affarijiet li huma diġà intrinsikament motivati biex jagħmlu, tista’ tħalli effetti ħżiena. Ftakar, il-motivazzjoni intrinsika tiġi mill-individwu nfusu. Essenzjalment qed tagħmel xi ħaġa għat-tgawdija pura tagħha. L-inċentivi jistgħu jaħdmu tajjeb biex iżidu l-motivazzjoni f’attività li mhix attraenti, iżda dipendenza żejda fuqhom tista’ tispiċċa tnaqqas il-motivazzjoni f’xi każijiet.
Introduċi Sfidi Ġodda
Jekk qed tipprova żżid il-motivazzjoni tiegħek biex tagħmel xi ħaġa, bħal li tqum kmieni għal xi ġirja, billi titbiegħed minn rutini qodma u tintroduċi sfidi ġodda jista’ jkun mod effettiv biex iżżomm dik motivazzji. Ma jimpurtax x’inhu l-għan tiegħek,jekk iżżid sfidi ġodda jista’ jgħinek ittejjeb il-ħiliet tiegħek, tħossok aktar motivat, u tersaq pass eqreb lejn is-suċċess.
Imxi bil-Pass Tiegħek
In-nies ħafna drabi jaraw lilhom infushom jilħqu l-għanijiet tagħhom, imma jinsew l-isforz kollu li jkunu għamlu biex dak li jkunu xtaqu jsir realtà.
Billi timmaġina li ksibt l-għan mixtieq, tkun qed tnaqqas l-enerġija li għandek disponibbli biex tiddedika għat-twettiq tal-kompitu nnifsu. Minflok timmaġina lilek innifsek b’suċċess f’daqqa, immaġina l-passi żgħar kollha li se tieħu biex tikseb dak is-suċċess. Li tkun taf dak li tista tiltaqa’ miegħu jista’ jagħmilha aktar faċli biex tegħleb id-diffikultajiet li tista’ tiffaċċja.
Iffoka fuq il-Vjaġġ, Mhux ir-Riżultat
Li tiffissa kontinwament fuq ir-riżultat, fuq is-suċċess jew il-falliment, jista’ jfixkel il-motivazzjoni. Nies bi mentalità fissa jemmnu li l-karatteristiċi personali jitwieldu bihom u ma jinbidlux. Huma jaħsbu li n-nies huma jew intelliġenti jew mhumiex, sbieħ jew koroh, atletiċi jew mhux atletiċi. Kif Tista’ Tevita li Tiżviluppa mentalità fissa?
• Apprezza l-isforzi li tkun għamilt.
• Minflok tiffoka biss fuq ir-riżultat, fuq jekk tirnexxix jew tfallix, ipprova tiffoka fuq il-vjaġġ lejn il-kisba tal-miri tiegħek.
• Agħraf liema azzjonijiet kienu l-aktar effettivi u ta’ sodisfazzjon. Billi tivvaluta l-isforzi tiegħek, tista’ tirfina l-azzjonijiet futuri tiegħek biex tikseb riżultati aħjar.
Kemm jekk qed tipprova titlef il-piż, tirbaħ maratona, tgħaddi minn eżami, jew tlesti xi tip ieħor ta’ għan, il-motivazzjoni għandha rwol kritiku fis-suċċess jew falliment ġenerali tiegħek. Uħud minn dawn is-sejbiet tar-riċerka jistgħu jikkontradixxu l-ideat tiegħek dwar dak li jaħdem u ma jaħdimx. Ipprova inkorpora ftit minn dawn l-istrateġiji fid-drawwiet ta’ kuljum tiegħek biex ittejjeb l-motivazzjoni tiegħek (Dweck, 2021).
Marlene is a Trainee Gestalt Psychotherapist with Willingness. She has experience working in the mental health field, particularly with issues of anxiety, depression, loss, challenging relationships and major life transitions.
Referenzi
Deci, E. L., & Ryan, R. M. (2010). Intrinsic motivation. The corsini encyclopedia of psychology, 1-2.
Dweck, C. (2021). Mindset-Updated Edition: Changing The Way You think To Fulfil Your Potential.