Ġieli, waqt xi festin jew vaganza, għajnejna jkunu akbar minn żaqqna u jaf nispiċċaw nieklu żżejjed. Però, issib min dejjem jispiċċa jiekol żżejjed. Kif tista’ tkun taf kemm hu żżejjed u x’tista’ tagħmel biex tnaqqas mill-ikel? Wieħed ta’ min jibda billi jipprova jidentifika jekk hux il-każ li qed jiekol iżżejjed. Ħafna drabi, dan ikun il-każ meta dak li jkun iħossu mimli, però xorta waħda jibqa’ jiekol, jispiċċa jiekol għax ma jkunx jaf x’se jaqbad jagħmel, iħossu mdardar jew iħoss xi uġigħ ftit wara li jkun kiel, jew jiekol għal raġunijiet oħra mhux biex jagħti l-enerġija lil ġismu. Maż-żmien, wieħed jista’ wkoll jinnota effetti li jitfgħu f’riskju s-saħħa fiżika tiegħu u li jistgħu jwasslu għal mard bħal dijabete u mard tal-qalb. Għalkemm mhix faċli, hemm diversi modi kif wieħed jista’ jevita li jiekol iżżejjed.

Modijiet kif wieħed jista’ jevita li jiekol iżżejjed

  • Ħu ħsieb il-qies tal-porzjon

Tajjeb li tiċċekkja l-ammont irrakomandat ta’ dak l-ikel partikolari li tkun se tiekol. Kull meta tmur tiekol barra, tajjeb li tagħti kas anke ta’ porzjonijiet kbar ħafna. Huwa ħafna aktar faċli li tevita t-tentazzjoni jekk ċertu ikel mal-ewwel ma jkunx fuq il-platt. Għalhekk, tista’ tikkunsidra li tgħidilhom mal-ewwel biex ma jġibux ħobż u taħseb fuq jekk għandekx bżonn tiekol patata mal-ikel. 

  • Inkludi ikel li hu sors ta’ fibra

Normalment, ikel li hu sors ta’ fibra jgħinek biex tħossok mimlija. Dan l-ikel jinkludi ħafur, lanġas u fażola, ikel li minħabba l-ammont ta’ ilma li jkun fih, inħossuna aktar mimlijin. Għalhekk, minkejja li, per eżempju, platt mimli ħaxix u platt mimli biċċiet tal-ġobon jaf ikun fihom l-istess ammont ta’ kaloriji, hemm ċans tajjeb li bil-ħaxix tħossok aktar mimlija minħabba li mimlijin fibra. Dan jaf jgħinek tnaqqas it-tendenzi tiegħek li tiekol iżżejjed. 

  • Evita li taqbeż l-ikliet

Dieta popolari bħalissa hi li taqbeż ċeru ikliet u ssum. Però, għal ċerti nies, din jaf trawwem il-mentalità li jew trid toqtol lilek innifsek bil-ġuħ jew tiekol kulma tara. Meta wieħed jaqbeż l-ikel, jaf jesperjenza ġuħ kbir u, għalhekk, jispiċċa jiekol ħafna aktar. Minflok, wieħed jista’ jikkunsidra li jnaqqar xi ftit ikel bnin bejn ikla u oħra jew inkella jiekol ikliet iżgħar aktar frekwenti matul il-ġurnata.

  • Tgħallem liema hu dak l-ikel li normalment tiekol ħafna u llimitah

Kulħadd għandu l-preferenzi personali tiegħu rigward l-ikel. Tista’ tikkunsidra li żżomm djarju li fih tieħu nota tal-ikel li tiekol għax dan jista’ jgħinek tifhem aktar it-tendenzi tiegħek x’inhuma u liema ikel tispiċċa tiekol l-aktar. Ħafna drabi, wieħed jispiċċa jiekol ħafna ikel mimli kaloriji jew ikel proċessat u mimli mluħa, zokkor miżjud u xaħmijiet. Idealment, ma nieklu ħafna mill-ebda ikel għax anke jekk, per eżempju, nieklu ħafna ikel mimli fibra jista’ jikkawża ċertu skumdità fis-sistema diġestiva tagħna.

  • Ibda b’xi soppa tal-ħaxix jew insalata

Hemm ċans tajjeb li timla inqas ikel fil-platt meta tibda l-ikla tiegħek b’xi soppa jew insalata. Kemm soppa tal-ħaxix u nsalata għandhom kontenut għoli ta’ ilma u huma baxxi fil-kaloriji.

Fl-aħħar mill-aħħar, wieħed ta’ min iżomm f’moħħu li meta tiekol inqas kaloriji ma jfissirx li se tħossok bil-ġuħ. Jista’ wkoll jagħti l-każ li tkun qed tiekol aktar għax tkun għaddej minn xi żmien diffiċli u, f’dan il-każ, ikollok bżonn tipproċessa dawn l-emozzjonijiet qabel tibda tnaqqas mill-ikel. Jekk, minkejja dawn l-isforzi kollha xorta waħda ma jirnexxilekx, ta’ min wieħed jikkunsidra li jkellem lil xi ħadd professjonali.

Jekk taħseb li tista’ tibbenefika minn appoġġ professjonali dwar din il-kwistjoni tista’ tagħfas hawn.

Johanna Cutajar hija gradwata fil-Masters in Counselling mill-Università ta’ Malta. Hija taħdem mat-tfal u l-adolexxenti bħala konsulent fis-settur tal-edukazzjoni fuq varjetà ta ‘kwistjonijiet inklużi kwistjonijiet ta’ relazzjoni, trawma, luttu, tranżizzjonijiet, u s-saħħa mentali ġenerali.

Referenzi

McCallum, K. (2022). How to Stop Overeating: 10 Tips to Avoid Eating Too Much. Retrieved from https://www.houstonmethodist.org/blog/articles/2022/jan/how-to-stop-overeating-10-tips-to-avoid-eating-too-much/