Jiena ma jidhirlix li hu sew li t-tfal ikunu mgħallma dwar is-sess minn eta’ żgħira. Inħoss li hu wisq suġġett delikat biex iseħħ dan. Meta tissuġġerixxi li t-tfal għandom jiġu edukati fuq is-sess, u min hu l-aħjar li jwasslilhom dan it-tagħlim – il-ġenituri jew l-għalliema tal-iskola? Ngħidlek il-verita’ kieku jiena nħossni kemmxejn mifxula dwar kif għandi nibda neduka lit-tfal tiegħi fuq dan is-suġġett.
Kulħadd jaf li it-tfal jassorbu d-dinja ta’ madwarhom b’mod speċjali permezz tal-osservazzjoni ta’ dak li jkun qed jiġi espost għalihom. Għalhekk, jiena nemmen li t-tagħlim dwar is-sess tista’ ssejjaħlu proċess, wieħed li jseħħ tul l-iżvilupp tat-tfal, permezz tal-eżempji li nagħtu aħna bħala ġenituri fir-relazzjoni tagħna ta’ bejnietna.
Hija idea ġenerika li meta wieħed isemmi l-edukjazzjoni sesswali, nagħmlu refernzi biss għall-aspett bioloġiku. Dan mhux il-każ. Is-suġġett tas-sess hu mibni fuq aspetti personali ta’ stima, kunfidenza, rispett u self-awareness. Dawn kollha huma affarijiet li jwasslu għal ħajja sesswali b’saħħitha, u huma aspetti li t-tfal għandom jiġu mgħarrfa fuqhom minn eta’ żgħira. Filwaqt li l-għalliema jagħmlu ħafna biex jikkontribwixxu għal dan l-għan, nemmen li l-ġenituri għandom l-irwol ċentrali li jedukaw lit-tfal tagħhom fuq l-iktar aspetti intimi tagħhom infushom.
Biex nindirizza l-preokkupazzjoni tiegħek dwar kif se tagħmel dan, l-edukazzjoni sesswali tista’ faċilment tiġi amalgamata ma’ tagħlim ieħor ta’ kuljum. Ngħidu aħna, tul il-proċess li ngħallmu lit-tfal kif għandom jinħaslu, tajjeb nużaw din l-opportunita’ li nitkellmu mat-tfal dwar l-importanza li nieħdu ħsieb il-ġisem tagħna, għaliex dan jirrifletti l-mod kif nippreżentaw lilna nfusna lis-soċjeta’ ta’ madwarna.
Fattur ieħor li jagħmel differenza fl-edukazzjoni sesswali tat-tfal tagħna hu l-mod ta’ kif aħna nħarsu lejn ġisimna u s-suġġett tas-sess u s-sesswalita’. Ma nistgħux nistennew li t-tfal se jduru lejna għal tweġiba ta’ mistoqsija jew kurżita’ li għandom f’moħħhom jekk l-attitudni tagħna lejn is-suġġett hija waħda konservattiva, fejn kważi kważi nikkunsidraw is-suġġett bħala taboo. Importanti nirrejaliżżaw li jekk dan ikun il-każ, it-tfal se jfittxu t-tweġibiet minn sorsi oħra, sorsi li xi drabi jaf jagħmlu iktar ħsara lill-uliedna milli ġid.
Għaldaqstant, importanti li nassiguraw u naċċertaw lit-tfal tagħna li aħna bħala ġenituri dejjem lesti li nindirizzaw mistoqsijiet jew ħsibijiet li jixtiequ jaqsmu magħna, u li dan nagħmluh b’imħabba u umilta’ lejn uliedna. Ikun ta’ ġid ukoll li naħdmu fuqna nfusna, u ninfurmaw rwieħna dwar suġġetti vasti li huma relatati mas-sess u s-sesswalita’ permezz ta’ korsijiet u qari. Dan jgħin biex jassigura li, apparti li aħna nkunu iktar infurmati dwar is-suġġett, l-informazzjoni li naqsmu ma’ uliedna tkun waħda korretta u li tkun ta’ valur siewi għalihom.
Matthew Bartolo is a counsellor specialising in Sex & Relationships. He offers counselling to both individuals and couples, and runs the sex education services within Willingness. He can be contacted on matthew@willingness.com.mt or call us on 79291817.