Jiena u l-mara tiegħi ilna flimkien għal kważi seba’ snin. Qatt ma kelli fuq xiex ingerger, iżda minn mindu twieldet it-tifla sena ilu, qed ninnota li l-mara m’għadhiex tfittixni u bilkemm tagħtini attenzjoni. Smajt bosta nies jgħidu li koppja bit-tfal tagħmel sew li toħroġ ftit waħeda kultant żmien. Iżda għalekemm jien nemmen li dan vera, il-mara ma tridx taf. Dejjem tgħid li wisq għajjiena, u meta ssuġġerejt li noħorġu nieklu fir-restorant favorit tagħhha, mill-ewwel seħqet li ma tridx toħroġ u tħalli t-tifel warajha. Ma nafx x’għandi nagħmel.

Din li qed taqsam miegħi inti hija realta’ li jgħaddu minnha kull koppja li jkun għad kif kelllhom it-tfal. Bl-irwoli ġodda ta’ omm u missier, hija normali li xi drabi ninqabdu f’dan l-irwol il-ġdid u ninsew l-irwoli tagħna l-oħra, fosthom dak ta’ maħbub/a.  

Naqbel miegħek li għandkom tqattgħu iktar ħin flimkien bħala koppja. Kif spjegajt qabel, it-twelidt ta’ wild jaf iwassal li nabbandunaw l-irwoli l-oħra, u ninsew il-bżonnijiet personali tagħna, u dan forsi hu għaliex il-mara qed tidher li tkun f’mummy mode il-ħin kollu.

Madanakollu irridu napprezzaw li xi kultant, il-partner tagħna verament tkun għajjiena u għalhekk ma jkollhiex enerġija għal affarijiet li kienet tagħmel faċilment qabel l-introduzzjoni tat-tfal. Għaldaqshekk, tkun idea tajba li tiddiskutu din is-sitwazzjoni bejnietkom, u taslu għal kompromess dwar x’kontribut tista’ tagħti inti biex isserraħha, u anke dwar liema ħin ikun l-iktar ideali li tqattgħu flimkien. Tajjeb nirrealiżżaw li għalkemm, per eżempju, il-ħinijiet ta’ filgħodu kienu jkunu komdi għalikom qabel kellkom it-tifla, issa jaf ikunu l-iktar ħinijiet stressanti u diffiċli, u għalhekk tridu tadattaw għaċ-ċirkustanzi l-ġodda billi ssibu ħin iktar ideali ġdid.

Tajjeb ukoll li tiddiskutu bejnietkom x’inhu jwassal li l-partner tiegħek issib diffikulta’ li tħalli t-tifla warajha meta toħroġ. Forsi jkun ta’ ġid li dawn il-ħsibijiet jinqasmu ma familjari jew anke professjonijisti li jistgħu joffru suġġerimenti u jservu ta’ gwida għal kif l-aħar tindirizzaw din ir-realta’ ġdida.

Hu xinhu l-każ, kif diġa għedna, din hija realta’ li tgħaddi minnha kull koppja li jkollha t-tfal. Li ssir ġenitur hija tranżizzjoni fil-ħajja tagħna li tirrikjedi paċenzja, mħabba, u kompromess. Ma ninsewx pero li l-għajnuna hi dejjem aċċessibli jekk infittxuha, u li m’għandnix għalfejn niddejqu nużawha, għaliex din hija mezz li permezz tagħha, aħna nistgħu nkomplu ninnavigaw fil-ħajja ta’ ġenituri ġodda.

Matthew Bartolo is a counsellor specialising in Sex & Relationships. He offers counselling to both individuals and couples, and runs the sex education services within Willingness. He can be contacted on matthew@willingness.com.mt or call us on 79291817.