Reading Time: 2 minutes

Jiena ġuvni u qiegħed noħroġ ma’ wieħed bħalissa li nikklikkja vera sew miegħu, tant li qed nibda’ naħseb li fl-aħħar forsi sibt lil xi ħadd ma’ min jista’ jkolli relazzjoni sinifikanti. Jiena pero’ m’għandix wisq esperjenza fejn jidħlu relazzjonijiet mentri hu għandu mhux ħażin u qed inħoss li jrid li naslu sal-punt li jkollna x’naqsmu ma’ xulxin malajr. Issa ilna noħorġu flimkien xaharejn u personalment bħalissa ma nħossnix komdu biżżejjed li jkollna x’naqsmu flimkien fiżikament. Min-naħa l-oħra pero’ ma nixtieqx nitilfu u ma nafx x’se naqbad nagħmel. Tista’ ttini parir?

 

L-ewwel nett grazzi talli qsamt magħna din is-sitwazzjoni. Naħseb li tberren f’moħħ numru kbir ta’ nies. Għal ħafna m’hijiex deċiżjoni faċli f’liema punt f’relazzjoni għandu jkun hemm is-sess. Il-verità hi li m’hemmx regoli li jgħidulek meta dan għandu jsir: kull relazzjoni hija unika għax bejn żewġ persuni uniċi u għalhekk ir-relazzjoni timxi bil-pass tagħha fid-diversi aspetti inklu is-sess. Biex immorru lura għal mistoqsija tieghek, personalment naħseb li jekk inti ma tħossokx komdu huwa sinjal li jaf ikun kmieni u forsi jagħmel iktar sens li tistennew ftit sakemm tħossok lest. Importanti li kull min jieħu sehem fl-att iħossu lest u komdu.

Nixtieq insaqsik ukoll pero’, huwa qatt semmielek xi ħaġa dwar is-sess? Naħseb jiġri ħafna li nibdew nimlew rasna li l-partner ikun jistenna ċertu affarijiet minna li fil-verità jaf ma jkunx il-każ. Jekk hu qatt ma saqsiek espliċitament li jridek ikollok x’taqsam miegħu, inħeġġek li titkellmuha ftit. Nemmen li importanti li nitkellmu fuq kull aspett ta’ relazzjoni, speċjalment affarijiet bħal dawn li għal ħafna huwa parti importanti. B’hekk kemm insiru nafu iktar lil dak li jkun, imma wkoll importantissimu inkunu nafu x’inhu mistenni u sa fejn it-tnejn li aħna nkunu komdi li naslu ma’ xulxin. Hekk ukoll jekk ma tkunux taqblu fuq xi affarijiet tkunu tistgħu tiddiskutuhom minn qabel.

 

Matthew Bartolo is a counsellor specialising in Sex & Relationships. He offers counselling to both individuals and couples, and runs the sex education services within Willingness. He can be contacted on matthew@willingness.com.mt.