Biex issib terapista li tgħinek tħossok aħjar mhux daqshekk faċli. Infatti, hemm ċans kbir li l-proċess biex dan isir jeħodlok ħafna mill-ħin tiegħek. Però, fl-aħħar mill-aħħar, meta dan il-proċess isir tajjeb, m’għandux jiddispjaċik. Jekk tinnota, hemm ċertu kwalitajiet li kull individwu jfittex li jkollha fit-terapista tagħha. Terapista trid tkun persuna li int tista’ tafdaha, persuna li tħossok komdu titkellem magħha, anke fuq suġġetti sensittivi, intimi jew diffiċli għalik, u persuna li tista’ taqsam dan il-vjaġġ tiegħek magħha. Jekk dawn li semmejt ma jkunux preżenti, it-terapija jaf ma tkunx daqshekk effettiva. Għalhekk, ikun tajjeb jekk wieħed jieħu l-ħin tiegħu biex ifittex it-terapista ideali. 

Dawn huma wħud mill-affarijiet li wieħed jista’ jikkunsidra meta jiġi biex jagħżel terapist/a:

  • L-esperjenza

Din hi waħda mill-affarijiet li tiddistingwi terapista minn ħabib. Għalhekk tajjeb li tagħżel terapista li tkun kapaċi taħdem fuq il-problema li jkollok. Fil-fatt, ċertu terapisti jispeċċjalizzaw f’ċertu diffikultajiet partikolari, fosthom id-dipressjoni jew relazzjonijiet. Terapista tkun esperjenzata għax min jaf kemm-il darba tkun ħadmet ma’ nies li jippreżentaw l-istess problema fit-terapija.

  • Tajjeb li tkun taf li jeżistu stili differenti ta’ terapija.

Ħafna terapisti jinkorporaw diversi stili f’xogħlhom. Li tkun taf li jeżistu stili ta’ terapija differenti tgħin għax din tista’ taffettwa l-mod kif it-terapista tirrelata miegħek u t-tul tat-terapija.

  • Imxi ma’ dak li tħoss

Anke jekk it-terapista tkun tidher waħda tajba ħafna, tiddejjaqx tfittex terapista oħra jekk tħoss li m’intix sejra tajjeb magħha. Terapista tajba għandha taċċetta din id-deċiżjoni u m’għandix tippressak jew twaqqgħek ħażin fuq hekk.

Wieħed irid joqgħod attent li t-terapista tiegħu qed tagħmel minn kollox biex tibni relazzjoni terapewtika b’saħħitha u fiduċjuża, turi empatija, taġixxi b’mod professjonali, ma tiġġudikax, tkun kunfidenti f’xogħlha, u ma titkellimx ħafna jew ma titkellem xejn. Importanti wkoll li t-terapista ma twiegħdekx affarijiet, ma turix diżinteress, ma ttikx pariri, ma toqgħodx tgħidlek affarijiet kunfidenzjali u ma tinfurmakx jekk ma jkunx hemm bżonn ta’ aktar terapija.  

Meta tikkunsidra dan kollu, l-iskumdità li tista’ tinħass fit-terapija jaf tkun sinjal li għandek bżonn tbiddel it-terapista, speċjalment jekk din tkun ħaġa kontinwa. Dan jaf ma jkunx dejjem il-każ minħabba li t-terapija tevoka ħafna emozzjonijiet diffiċli. Jista’ jagħti l-każ li tħossok komda mat-terapista tiegħek, però xorta waħda tkun tixtieq issib terapista oħra. Dan jista’ jiġri jekk ma tkunx taffordja aktar ir-rata li biha titħallas it-terapista jew inkella tkun tixtieq tfittex lil xi terapista speċjalizzata f’xi qasam partikolari.

Jekk bi ħsiebek tbiddel it-terapista, tajjeb li tinforma lit-terapista preżenti dwar dan. B’hekk tkunu tistgħu tgħalqu, tara x’hemm nieqes fir-relazzjoni terapewtika preżenti u tifhem x’tixtieq mit-terapista l-ġdida. Tajjeb ukoll li tfakkar lit-terapista tiegħek biex tgħaddi n-noti tiegħek u informazzjoni oħra fuqek lit-terapista l-ġdida ħalli int ma jkollokx għalfejn terġa’ tibda l-proċess mill-bidu. Importanti wkoll li tirrifletti sew fuq x’tixtieq mit-terapista l-ġdida u għamel ftit riċerka dwar terapista ġodda li tista’ tagħżel.

Jekk taħseb li tista’ tibbenifika minn sapport professjonali fuq din il-kwistjoni tista’ tikkuntattjana hawn

Johanna Cutajar hija gradwata mill-Universita ta’ Malta b’Master fil-Counselling. Hija taħdem mat-tfal u adolexxenti bħala counseller fis-settur edukattiv fuq varjetà ta’ problemi li jinkludu problemi f’relazzjonijiet, trawma, niket, bidliet, u s-saħħa mentali b’mod ġenerali

Referenzi

Dibdin, E. (2021). How to Change Therapists: 5 Steps. Retrieved from https://psychcentral.com/health/changing-therapists

Ortega, M. (2021). What a Therapist Should Not Do: 24 Red Flags to Watch For. Retrieved from https://www.sondermind.com/resources/what-a-therapist-should-not-do

Smith, M., & Segal, J. (2021). Finding a Therapist Who Can Help You Heal. Retrieved from https://www.helpguide.org/articles/mental-health/finding-a-therapist-who-can-help-you-heal.htm