Jiena tfajla ta’ 20 sena. Ilni f’relazzjoni mal-għarus xi sena u nofs issa u dawn l-aħħar sitt xhur qbadtu diversi drabi jara l-pornografija. Naf li għal xi nies hija xi ħaġa normali pero mingħandu ma stennejthiex u ħassejtni ftit imħawwda. Dan l-aħħar qisu qed juri inqas entużjażmu għas-sess u nammetti nħossni ftit insigura. Għal kurżità kien hemm żmien fejn jien ukoll kont nara, għax kont inkun kurjuża, pero li naf żgur hu li jien qatt ma nista’ nikkompeti mal-porn stars jew ma li jkun hemm fil-films pornografiċi. Qed nibża’ lin-nuqqas ta’ entużjażmu u ż-żieda fil-pornografija huma għax m’għadux isibni attrajenti. Meta pruvajt inkellmu dwar il-pornografija qalli li qed neżaġera u li kollox f’moħħi, pero qed insibha diffiċli nemmnu.
Grazzi ħafna talli qsamt magħna din is-sitwazzjoni. Il-pornografija mhijiex xi ħaġa ħażina fiha nfisha pero bħal kollox, kif tintuża tagħmel differenza. Hemm min jgħid, pereżempju, li tista’ ssir vizzju jekk tiġi użata b’mod kompulsiv. Personalment, pero, naħseb li l-problemi li tista’ tikkawża l-pornografija jiġu iktar mill-fatt lis-sess li jintwera ġeneralment mhuwiex bħar-realtà. Dan jista’ jikkawża li jinħolqu ċertu standards li mhumiex reali u b’hekk is-sess ikun inqas sodisfaċenti. Kif għidt inti stess, huwa diffiċli nikkompetu mal-atturi li jieħdu sehem fil-pronografija eżatt għax ma jirriflettux ir-realtà.
Jista’ jkun li lil għarus ġralu xi ħaġa simili pero l-verità hi li ma tistax tgħid għax jaf ikun hemm fatturi oħra, bħal stress jew li jkun għaddej minn żmien diffiċli. L-unika mod biex tkun taf jekk hemmx xi ħaġa għaddejja huwa li tkellmu fuq is-sitwazzjoni. Kieku jien nesprimi xi tħoss dwar li qed juri inqas entużjażmu għas-sess u nimxi minn hemm. Nemmen ħafna fil-komunikazzjoni, dejjem mingħajr ġudizzju, u f’li ma nżommux kollox ġo fina għax ħafna drabi nispiċċaw nagħmlu iktar ħsara lir-relazzjonijiet tagħna.
Matthew Bartolo is a counsellor specialising in Sex & Relationships. He offers counselling to both individuals and couples, and runs the sex education services within Willingness. He can be contacted on matthew@willingness.com.mt.
You can visit his profile on: https://zme.tec.mybluehost.me/willingnessmt/team/matthew-bartolo/
This blog has been proofread by Keep Calm and Proofread (https://www.facebook.com/keepcalmandproofread)