Jiena tfajla ta’ 13 –il sena u għal dawn l-ahhar tliet xhur, qed niċċettja ma’ ġuvni ta’ 18-il sena. Għall-ewwel żammejta kwieta l-ħaġa, iżda milux il-ġenituri tiegħi saru jafu u xejn ma ħadu gost. Jinsabu inkwetati ħafna dwar din is-sitwazzjoni, imma ma nafx kif se nispjegalom li miġbudin lejn xulxin u li l-eta’ m’għandiex x’taqsam fejn tidħol l-imħabba. Sħabi jaqblu miegħi fuq din, speċjalment għax jafu li jien matura għall-eta’ tiegħi minħabba esperjenzi li għaddejt minnhom qabel. Apparti minn hekk, jgħidu li l-bniet jimmaturaw ħafna iktar qabel mis-subien, allura x’inhi l-problema? Tista’ tgħinni?

Milli nista’ nifhem, inti u l-ġenituri tiegħek għandkom ħsibijiet differenti fejn jidħlu relazzjonijiet. Inti miġbuda lejn ġuvni ta’ 18-il sena, filwaqt li l-ġenituri jinsabu nkwetati minħabba din id-differenza ta’ ħames snin fl-eta’ ta’ bejnietkom. Nifhem li forsi tinsab frustrata li dawn m’humhiex jifhmu kif tħossok inti fuq dan il-ġuvni.

Każijiet bħal dawn jafu jservu ta’ opportunita’ biex wieħed jirrifletti ftit fuqu nnifsu, u għaldaqstant naħseb li tajjeb li taħseb ftit dwar l-esperjenzi li għaddejt minnhom tul ħajtek u kif taħseb li bidluk minn xahar għall-ieħor. Tara xi differenzi bejn l-int tal-lum, u meta kellek 12-il sena?

Tajjeb ukoll li nirrikonoxxu l-fatt li kif għedt inti, l-esperjenzi li wieħed jgħaddi minnhom bla ma jrid ibidluh xi ftit jew wisq. Dan hu veru, speċjalment fl-eta’ tiegħek, meta wieħed jgħaddi minn bosta tibdiliet f’kull aspett ta’ ħajtu; hemm it-tibdiliet fiżiċi, kif ukoll żviluppi mentali li otomatikament jimmaturawna u jġiegħluna nħarsu lejn ħajjitna minn lenti ġdida. Affarijiet li kienu jogħġbuna xahar ilu jibdew idejjquna, u viċe versa. Dan huwa proċess normali għaliex permezz tiegħu, aħna niskopru l-identita’ tagħna, u l-prijoritajiet tagħna jibdew jieħdu xejra ġdida. Għalekk tajjeb li nistaqsu xi jħajjar ġuvni ta’ 18-il sena li joħroġ ma’ tfajla li hi ħames snin iżgħar? Żgur li kieku kelli ngħidlek toħroġ ma’ tifel ta’ tmien snin tirrifjuta, minħabba r-raġuni ovjali dan għadu tifel. Dan l-eżempju użajtu biex nirrejalizzaw li fl-eta’ tiegħek, ħames snin jagħmlu differenza, anke jekk fil-preżent din ma tinħassx.

Għaldaqstant, filwaqt li nifhem il-preokkupazzjoni tiegħek, nistiednek taħsibha sew. Importanti li tqis li, apparti li hija illegali li ġuvni ta’ 18-il sena joħroġ ma’ tfajla ħames snin iżgħar, jaf issibu differenzi fil-prijoritajiet tagħkom li ma jiffavurawx lilek.

Matthew Bartolo is a counsellor specialising in Sex & Relationships. He offers counselling to both individuals and couples, and runs the sex education services within Willingness. He can be contacted on matthew@willingness.com.mt or call us on 79291817.