Li tħossok li inti persuna differenti minn dak li qed jidher fuq barra tista’ tikkawża sensazzjoni ta’ dwejjaq kbar li tissejjaħ ‘gender dysphoria’ (Turban, 2020). Ħafna drabi, din tirriżulta f’operazzjonijiet fuq il-ġisem biex jinbidel għal dak tal-ġeneru li huma jidentifikaw miegħu. Pero, mhux kull persuna trans tesperjenza ‘gender dysphoria’ u mhux kull persuna trans tagħżel li tbiddel il-karatteristiċi sesswali jew fiżiki. Din it-tranżizzjoni kif ukoll ‘gender dysphoria’ kapaċi jkunu diffiċli u infatti hemm rati għoljin ta’ attentat ta’ suwiċidju u problemi mentali fil-komunita’ trans (Virupaksha, Muralidhar and Ramakrishna, 2016). Għalhekk hu importanti li kemm jista jkun tfittex għajnuna professjonali kemm psikoloġikament kif ukoll fiżikament, issib ħin għalik innifsek u timla ħajtek b’nies qrib tiegħek li lesti jissapportjawk.
Kif tista’ tagħraf ‘gender dysphoria’?
Jaf tibda tħossok li minn ġewwa, inti m’intix is-sess li twelidt bih (Correa, Zieve and Conaway, 2020). Tkun tixtieq, pero’ mhux biss, li tilbes ħwejjeġ li jikkonformaw mal-istil tal-ġeneru li tidentifika miegħu inti u, akkost ta’ kollox, ma tkunx trid tilbes il-ħwejjeġ assoċjati mas-sess li twelidt bih. Bħal ma’ taġixxi fejn jidħlu ħwejjeġ, l-istess tħossok fejn jidħlu rwoli, attivitajiet u oġġetti. Il-partijiet sesswali tiegħek idejquk u tixtieq li fiżikament tidher bħas-sess li tħoss li kellek titwieled (Correa, Zieve and Conaway, 2020).
Kif tista’ tgħin lilek innifsek tħossok aħjar?
Hemm diversi trattamenti għal ‘gender dysphoria’. Mhux kull tip ta trattament jgħodd għal kulħadd, mela trid issib dak li jaħdem għalik. Trattamenti jinkludu:
- Terapija/counselling
- ‘Hormone Replacement Therapy’, issa msejħa ‘Gender-affirming Hormone Therapy’
- ‘Sex Reassignment Surgery’, issa msejħa ‘Gender-affirming surgery
- Fil-każ ta’ kunflitti fil-familja li rriżultaw mill-proċess li toħroġ bħala trans jew mit-tranżizzjoni għas-sess l-oppost, ‘family therapy’ jew ‘couples therapy’ kapaċi jkunu benefiċċjali
X’tinvolvi tranżizzjoni?
Tranżizzjoni għal persuna trans ma tirreferix neċessarjament għal operazzjonijiet fiżiċi li jbiddlulek il-karatteristiċi sesswali. Mhux kull persuna trans tagħżel li tbiddel ġisimha. Jista’ jkun li persuna trans tibda tibdel il-pronomi li tixtieq li ħaddieħor juża biex jirreferi għaliha, tbiddel isimha u tibda tbiddel il-mod kif tilbes u kif tidher (Planned Parenthood, n.d.). Din ukoll hija tranżizzjoni u xortawaħda li n-nies ta’ madwarek iridu jidraw din il-bidla. Jekk tikunsidra operazzjoni, importanti żżomm f’moħħok il-proċessi involuti u dejjem tikkonsulta ma’ professjonisti oħra li huma speċjalizzati f’dan il-qasam, kemm fiżikament kif ukoll psikoloġikament.
Qabel tbiddel il-karrateristiċi fiżiċi tiegħek, tkun trid tibda ‘gender-affirming hormone therapy’ fejn jiġu inġettati ormoni fik li jippromwovu l-iżvilupp ta’ karatteristiċi sesswali sekondarji tas-sess l-oppost, eżempju vuċi eħxen, leħja, tkabbir tal-muskoli, u jieqaf il-’period’ fil-każ ta’ tranżizzjoni minn mara għal raġel (Richards and Hawley, 2011). Imbgħad tista’ tagħżel li tneħħi sidrek (top surgery) jew li tkabbarhom (implants), kif ukoll proċeduri oħra, bħal pereżempju kostruzzjoni ta’ organi sesswali.
Għalkemm kultant jaf tħoss dan it-tibdil kollu diffiċli wisq, żomm f’moħħok li dawn huma kollha passi li ħa jressquk lejn ħajja fejn se tħossok li tista’ tkun purament minn int. Ftakar ukoll li hawn ħafna iżjed tagħrif fuq is-suġġett u iżjed professjonisti u servizzi li huma kapaċi jgħinuk f’din il-ġrajja.
If you think that you can benefit from professional support on this issue you can reach out here.
Luanne Grima is a psychology graduate who works as a Childminder and Volunteer with Willingness. Luanne also forms part of the psycho-sexual education team at Sex Clinic Malta
References
Correa, R., Zieve, D. and Conaway, B., 2020. Gender dysphoria. Medlineplus.gov. Available at: <https://medlineplus.gov/ency/article/001527.htm>.
Planned parenthood, n.d. What do I need to know about the transitioning process?. Available at: <https://www.plannedparenthood.org/learn/gender-identity/transgender/what-do-i-need-know-about-transitioning>.
Richards, J. and Hawley, R., 2011. Sex Determination. In: J. Richards and R. Hawley, ed., The human genome, 3rd ed. Academic Press, pp.273-298.
Turban, J., 2020. What is gender dysphoria?. Psychiatry.org. Available at: <https://www.psychiatry.org/patients-families/gender-dysphoria/what-is-gender-dysphoria>.
Virupaksha, H., Muralidhar, D. and Ramakrishna, J., 2016. Suicide and Suicidal Behavior among Transgender Persons. Indian Journal of Psychological Medicine, 38(6), pp.505-509. Available at: <https://journals.sagepub.com/doi/pdf/10.4103/0253-7176.194908>.