Kważi kull wieħed u waħda minnha xtaq li jkun fiċ-ċentru u jkollu l-attezjoni fuqu xi darba jew oħra f’ħajtu. Min jaf kemm-il persuna taf li tqatta’ ħafna ħin fuq il-midja soċjali u jkollha bżonn il-validazzjoni ta’ ħaddieħor, speċjalment fuq kif tidher. Fil-każ tat-tfal, min jaf kemm-il darba rajt xi tifel jew tifla jgħajtu u jagħmlu xenata sħiħa waqt li l-ġenituri tagħhom qed jistennew biex iħallsu f’xi ħanut. Ħafna drabi, din it-tip ta’ attitudni toħloq fina ċertu skumdità u jaf inħossuna intimidati jew imbarazzati. Forsi dak li jkun jistaqsi lilu nnifsu: Meta għandna ninjoraw din it-tip ta’ mġiba u kif nistgħu nindunaw meta ssir problema li jkollna bżonn nindirizzawha?

Għalfejn? 

Għalkemm m’hemmx raġuni waħda għalfejn ċertu persuni jkollhom bżonn ħafna attenzjoni, hemm ċertu raġunijiet li huma komuni. Din it-tip ta’ mġiba hi komuni ħafna fit-tfal, speċjalment peress li jafu li hemm ċans tajjeb li jieħdu dak li jridu u jkollhom l-attenzjoni kollha fuqhom meta jagħmlu xenata. Jekk bħala ġenituri ma jinjorawx din l-attitudni, hemm ċans tajjeb li meta jikbru jkunu jridu li ħaddieħor bħal l-partner tagħhom, jagħtihom ħafna attenzjoni. 

L-għira wkoll tista’ twassal għal din it-tip ta’ mġiba u tista’ tiġri kull meta, per eżempju, persuna tinzerta lill-ġuvni li kellha ma’ xi tfajla oħra jew inkella l-kollega tiegħek qed jiġi mfaħħar aktar minnek fuq ix-xogħol. Persuna wkoll tista’ taġixxi b’dan il-mod għax tkun tixtieq taħbi dawk l-affarijiet li ma tkunx kunfidenti fihom jew l-ansjetà li tkun tesperjenza. Jista’ wkoll ikun il-każ ta’ kundizzjoni ta’ saħħa mentali fejn il-persuna taġixxi b’dan il-mod għax temmen li hi aħjar minn kulħadd u tħossha superjuri. Dawn it-tip ta’ persuna jkunu jridu lil kulħadd iħares lejhom jew jisma’ dak li jkunu qed jgħidu filwaqt li jkunu jridu juru dak li jafu.

Kif Għandek Taġixxi?

Mhux dejjem ikun daqshekk faċli tinduna li qed taġixxi b’dan il-mod għall-attenzjoni. Żomm f’moħħok li l-mod kif tħares lejk innifsek u kemm temmen fik innifsek m’għandux jiddependi fuq ħaddieħor. Meta iżżid il-kunfidenza fik innifsek tikber u ma jkollokx bżonn lil ħaddieħor biex din il-ħaġa ssir. Mod kif tagħmel dan hu billi tiċċelebra s-suċċessi żgħar ta’ kuljum li, eventwalment, jibnu għal suċċessi akbar. Jekk bħala persuna tixtieq li tibdel l-attitudni tiegħek, l-ewwel u qabel kollox, hemm bżonn li tirrealizza meta jkunu dawn id-drabi fejn taġixxi  b’dan il-mod u prova sib ir-raġuni għalfejn tkun għamilt hekk. Jekk tieħu nota ta’ kull meta tiġri tista’ tifhem aktar x’ikun wasslek taġixxi b’dan il-mod. Tista’ wkoll tipprova tagħti aktar attenzjoni lil ħaddieħor u tisma’ aktar milli titkellem. 

Żomm il- Bilanċ

Finalment, tajjeb inżommu f’moħħna li, idealment, insibu bilanċ għax bħalma attenzjoni eseġerata tista’ toħloq ħafna problemi, is-solitudni wkoll mhix xi ħaġa pjaċevoli. F’każijiet estremi, din it-tip ta’ mġiba tista’ wkoll twassal għal ansjetà, dipressjoni, u bżonn qawwi ta’ aktar u aktar attenzjoni. Jekk din it-tip ta’ mġiba tħoss li qed toħloqlok xi problemi fil-ħajja tiegħek, tiddejjaqx tfittex l-għajnuna li hemm bżonn. It-terapija toffrilek il-possibiltà li taħdem fuq din l-imġiba tiegħek u tbiddilha. Bl-għajnuna tat-terapista, tista’ tagħraf minn fejn hu ġej dan il-bżonn kbir li ħaddieħor jagħtik l-attenzjoni u x’tibdil tista’ tagħmel f’dan il-każ.

Referenzi

Kirby, S. (2022). Are You Guilty of Attention Seeking Behaviour? How to Spot the Habits of This Behaviour Retrieved from https://www.betterhelp.com/advice/behavior/are-you-guilty-of-attention-seeking-behavior/

Wisner, W. (2022). What to Know About Attention-Seeking Behaviour. Retrieved from https://www.verywellmind.com/attention-seeking-behavior-causes-traits-treatment-5213790