Bħal kull emozzjoni oħra, ir-rabja hi normali. Però, it-tfal mhux dejjem jirnexxielhom jgħarfu d-differenza bejn rabja u attitudni aggressiva. F’temp ta’ ftit sekondi, ir-rabja u l-frustrazzjoni jaf iwasslu għal diżrispett u aggressjoni, speċjalment meta t-tfal ma jkunux jafu jikkontrollaw l-emozzjonijiet tagħhom. Jaf ukoll ikun hemm episodji fejn it-tfal jaqbdu jiġġieldu bl-idejn, iwerżqu, jobżqu u jgħaddu lil ħaddieħor biż-żmien. Biż-żmien, dan jaf iwassal għall-problemi akkademiċi u problemi ta’ saħħa mentali. Jista’ jkun hemm diversi raġunijiet li jwasslu biex it-tfal iħossuhom daqshekk irrabjati fosthom problemi ta’ ħbiberija, problemi familjari, biżat, u diffikultajiet akkademiċi. Dawn t’isfel jaf ikunu verament utli f’sitwazzjonijiet bħal dawn li għadhom kemm issemmew.

Għin lit-tfal jgħarfu s-sinjali tar-rabja

Meta jgħarfu s-sinjali tar-rabja kmieni, it-tfal ikunu f’pożizzjoni aħjar biex jagħmlu deċiżjonijiet pożittivi. Tajjeb li, bħala ġenitur, titkellem magħhom fuq kif iħossuhom meta tibda ġejja r-rabja. Per eżempju, jistgħu jinnottaw li qalbhom tkun qed tgħaġġel aktar, qed jagħmlu l-ponn, u jheżżu snienhom.

Iddistingwi bejn l-emozzjonijiet u l-aġir tagħhom

Importanti li t-tfal ikunu kapaċi jiverbalizzaw emozzjonijiet ta’ rabja, frustrazzjoni, u diżappunt. Bħala ġenitur, tista’ tgħidilhom li ma fiha xejn ħażin li jħossuhom irrabjati, però mhix aċċettabbli li jerfgħu jdejhom. Tajjeb li jindunaw li huma jistgħu jikkontrollaw lilhom infushom meta jħossuhom irrabjati. Fil-każ tat-tfal, tista’ tinkoraġġixxi lit-tfal jagħtu isem lir-rabja tagħhom u jpinġuha. 

Żomm il-kalma

It-tendenza hi li meta t-tfal jitilfu l-kontroll, taqbad tgħajjat magħhom. Meta jiġri dan, tkun qed iżżid il-possibiltà li jsiru aktar aggressivi. Għalhekk, tajjeb li bħala adult tinnota kif qed taġixxi meta tħossok irrabjat għax dan jaf jinfluwenza l-aġir tat-tfal. Ħu ħsieb li tibqa’ kalm u tkun kapaċi tikkontrolla l-emozzjonijiet tiegħek għax hekk tkun qed iżżid iċ-ċans li tilħaq lit-tfal. F’każ li titlef il-kontrol, tajjeb li tkun responsabbli tal-aġir tiegħek u tiskuża ruħek. Tista’ wkoll tiddiskuti mat-tfal xi stajt għamilt differenti, bħal per eżempju tmur xi mixja flok tgħolli leħnek.

Inkoraġġixxi li t-tfal iżommu ruħhom attivi u jagħmlu xi tip ta’ eżerċizzju fiżiku

Meta żżomm attiv tkun qed tnaqqas il-possibiltà li tħossok irrabjat u tgħin lilek innifsek tħossok inqas stressjat jew anzjuż. 

Suġġerimenti oħra li jistgħu jkunu utli

Jekk taħdmu flimkien, tistgħu tiskopru x’ikun qed iwassal għal dik ir-rabja kollha u tistgħu tidentifikaw strateġiji li jgħinu biex tikkontrolla r-rabja. Per eżempju, bħala ġenitur, tista’ tinkoraġġixxi lil uliedek biex jgħoddu mill-wieħed sal-għaxra, biex jitbiegħdu mis-sitwazzjoni li tkun qed tirrabbjahom, biex jieħdu n-nifsijiet bilmod u fil-fond, biex jitkellmu ma’ xi ħadd li jafdaw, jew imorru x’imkien privat li jikkalmahom.

Minħabba li t-tfal għandhom tendenza li ma jisimgħux minna, tajjeb li ma tiħux l-imġiba aggressiva tagħhom personali. Fl-istess ħin, tajjeb li jkunu jafu sa fejn għandhom jieqfu u meta ma jiġrix dan, jinżammu responsabbli għal mod kif ikunu aġixxew. Ħafna drabi, bħala ġenituri, nispiċċaw ninkwetaw ħafna fuq il-futur u nibżgħu li t-tfal tagħna se jibqgħu hekk għal bqija ta’ ħajjithom. Ninkwetaw ukoll fuq x’se jiġri jekk jibqgħu ma jagħmlux ix-xogħol tal-iskola. Però, aktar ma naħsbu fuq il-futur, aktar jgħola l-livell tal-ansjetà. Fl-aħħar mill-aħħar, għandna nitrattaw lit-tfal tagħna b’rispett, bl-istess mod li rridu li jitrattawna huma u nkellmuhom bl-istess mod li nkunu rridu lilhom ikellmuna. 

If you think that you can benefit from professional support on this issue you can reach out here.

Johanna Cutajar is a Master in Counselling graduate from the University of Malta. She works with children and adolescents as a counsellor within the education sector on a variety of issues including relationship issues, trauma, bereavement, transitions, and general mental health.

REFERENZI

Morin, A. (2022). 5 Ways to Teach Your Child Anger Management Skills. Retrieved from https://www.verywellfamily.com/ways-to-teach-your-child-anger-management-skills-1095010