Jaf jiġu mumenti f’ħajjitna fejn f’daqqa waħda nitilfu l-interess u l-motivazzjoni biex nagħmlu xi ħaġa, speċjalment minħabba li l-affarijiet ma jibqgħux jagħtuna pjaċir bħal qabel. Din is-sitwazzjoni tista’ tfisser ħafna affarijiet u r-raġunijiet għalfejn tiġri jaf ikunu varji. Eżempju jaf ikun każ fejn qed tħoss li weħilt f’xogħlok jew fil-ħajja inġenerali, jew inkella jkun każ fejn qed tħossok imdejjaq. Jekk persuna kontinwament taħseb li xejn aktar ma jagħmilha ferħana fil-ħajja jew inkella ma tara l-ebda skop fil-ħajja, jista’ jagħti l
każ li dik il-persuna tkun fi stat qawwi ta’ dipressjoni. Dan ikun mingħajr ma neċċessarjament tinduna x’ikun qed jiġri u xi tkun għaddejja minnu. Wieħed ukoll ikun irid joqgħod attent għal jekk inkunx hemm l-preżenza ta’ kundizzjonijiet ta’ saħħa mentali oħra.
Jekk qed tinnota li dan hu l-każ, tajjeb li tieħu azzjoni mmedjata ħalli l-affarijiet la jeskalaw u lanqas ssir aktar ħsara. Dawn li ġejjin jaf jgħinuk ħafna meta ssib ruħek f’dan l istat:
• Biddel il-mod kif tħares lejn il-ħajja nġenerali
Għalkemm din jaf tinstema’ sempliċi ħafna, kultant jaf tkun l-unika ħaġa li jkollok bżonn. Huwa tajjeb li tieqaf taħseb fuq l-affarijiet li mhux se jagħmluk kuntent fil-futur u minflok tiffoka aktar fuq il-preżent. Għalkemm jista’ jagħti l-każ li ġrawlek affarijiet koroh fil-passat u m’għandekx kull ħaġa li tixtieq f’ħajtek, il-mod kif tħares lejn l-istorja ta’ ħajtek jagħmel differenza kbira.
• Iffoka fuq kif tista’ ssolvi l-problemi
It-tehwdin ma jgħinx għax jaf inaqqaslek il-pjaċir li s-soltu kont tieħu meta tagħmel xi ħaġa. Għalhekk tajjeb li tkun taf x’inhuma l-ħsibijiet tiegħek u meta jkollok ħsibijiet negattivi. F’dan il-każ, ikollok bżonn tara liema problemi tista’ ssolvi u tieħu azzjoni biex tħossok aħjar.
• Agħmel eżerċizzju fiżiku u ħu ħsieb ta’ ġismek
Li tagħmel daqsxejn eżerċizzju fiżiku, imqar xi ftit ġranet fil-ġimgħa, jgħin ħafna. Meta jiġri dan, moħħna jirrilaxxa ċertu kimiki li jgħinu biex inħossuna aħjar. Tista’ wkoll tieħu ħsieb ta’ ġismek billi fid-dieta tiegħek idaħħal ikel bħal ħaxix, ġewż, żrieragħ u ikel ieħor li jista’ jtejjeb is-saħħa mentali tiegħek u jgħollilek il-livell ta’ kuntentizza.
• Ara li qed tistrieħ biżżejjed
Jaf hemm ċans tajjeb li qed tħossok hekk minħabba li tinsab stressjat u għajjien ħafna. Għalhekk tajjeb li tistrieħ u tara li kuljum qed ikollok raqda tajba.
• Aħseb ftit x’jista’ jferrħek
Jista’ jagħti l-każ li jkollok bżonn iżżid xi attivitajiet li jferrħuk f’ħajtek u tiddedika ftit ħin kuljum jew fil-ġimgħa għalihom. Fil-bidu, jaf issibha diffiċli biex terġa’ tibda tagħmel dawn l-affarijiet li kienu jferrħuk. Madanakollu, dan ma jfissirx li, eventwalment, dawn l attivitajiet mhux se jgħinuk biex tħossok aħjar.
• Immedita regolarment
Meta l-meditazzjoni tkun parti mir-rutina tiegħek, tkun qed iżżid il-livell ta’ kuntentizza fil ħajja tiegħek. Hemm diversi modi kif tista’ ssir, skont xi tkun tixtieq tieħu minnha.
• Ifforma relazzjonijiet soċjali
Dawn jistgħu jgħinuk issib it-triq lura għall-kuntentizza. Għalhekk importanti li tikkommunika b’mod pożittiv u tuża’ s-saħħa li għandhom il-ħbiberiji biex tħossok sodisfatt.
Finalment, ma fiha xejn ħażin li tfittex l-għajnuna meta tħoss li għajjejt tiġġieled mal ħajja. Meta titkellem ma’ professjonist hemm ċans tajjeb li tinduna x’ikun qed jiġri ħażin, u x’tibdil hemm bżonn isir. Permezz tat-terapija, tkun tista’ tipproċessa ċertu diffikultajiet li qatt ma jkunu ġew indirizzati.
If you think that you can benefit from professional support on this issue you can reach out here.
Johanna Cutajar is a Master in Counselling graduate from the University of Malta. She works with children and adolescents as a counsellor within the education sector on a variety of issues including relationship issues, trauma, bereavement, transitions, and general mental health.
Referenzi
Cuncic, A. (2022). ‘I Hate Life’: What to Do If Nothing Makes You Happy. Retrieved from https://www.verywellmind.com/what-to-do-if-nothing-makes-you-happy-5085726 Vadlamani, S. (2022). The 2 steps to take when nothing makes you happy anymore. Retrieved from https://www.happiness.com/magazine/health-body/nothing-makes-me happy/