Reading Time: 2 minutes

Il-fibromyalgia hija marda li nistgħu ngħidu mhux ħafna nies jafu dwarha. Dan huwa minħabba l-fatt illi bħala marda, pjuttost ma tidhirx. Is-sintomi jinħassu, iżda ma jidhrux minn barra.

Il-Fibromyalgia hija marda kronika, jiġifieri marda li tippersisti għal żmien twil ħafna, u taffetwa l-għadam u l-muskoli (COVID-19) et al., 2020). Nies illi jbatu minn din il-marda jesperjenzaw sintomi bħal għejja kbira, uġiegħ mal-ġisem kollu, problemi tal-irqad u xi tibdil fil-memorja, u anka xi tibdiliet fil-mod kif iħossuhom matul il-ġurnata. Il-persuna wkoll tibda tirrispondi iktar b’mod sensittiv għall-uġieħ meta ssofri minn din il-kundizzjoni, u hemm anka possibilita li taqbadha uġieħ ta’ ras iktar ta’ spiss, u tbati minn kundizzjoni oħra tad-diġestjoni, jgħidulha Irritable Bowel Syndrome (“Fibromyalgia | the painclinic”, 2020).

Tobba li studjaw fuqha sabu li m’hemmx kawża speċifika għal din il-marda. L-unika informazzjoni li sabu hija li għandha x’taqsam ma kif il-moħħ tal-persuna jipproċessa informazzjoni fuq l-uġiegħ min-nervituri ta’ ġol-ġisem (COVID-19) et al., 2020). F’ħafna każijiet, it-tobba jaħsbu illi l-marda toħroġ wara xi avveniment stressanti fil-ħajja ta persuna, bħal xi strees psikoloġiku, xi infezzjoni qawwija, jew trawma. L-effetti tal-marda jibdew jinħassu bil-mod maż-żmien, u jibdew jiggravaw iktar fil-proċess tagħha. Il-fibromyalgia tiżviluppa iktar fin-nisa milli fl-irġiel, u normalment l-etajiet ikunu bejn 30 – 50 sena, pero mhijiex biss limitata għal dan il-grupp ta nies (“Fibromyalgia | the painclinic”, 2020).


Sfortunatament, għadha ma nstabitx kura għal fibromyalgia, pero hemm ħafna affarijiet li persuna tista tagħmel biex itaffi is-sintomi tal-uġiegħ. Mediċini li jeżistu mhumix għal marda speċifikament, iżda għal uġiegħ li ġġib magħha. Pero, ċerti tibdil fil-mod ta’ kif persuna tgħix ħajjitha jistgħu jgħinu biex itaffu l-uġiegħ:



Dieta tajba: L-aħjar dieta għandha tkun waħda fejn tikkonsma ikliet żgħar bi ftit ħin bejniethom, u li kemm jista’ jkun tevita ikel proċessat, ħafna zokkor, kaffeina u affarijiet li fihom ħafna gluten u lactose. Dieta varjata u li fiha ħafna ħaxix u frott frisk u organiku nstabet li hija l-aħjar. Tista wkoll tieħu xi vitamini mad-dieta tiegħek biex tgħin lil ġismek jiġġieled (“Fibromyalgia | the painclinic”, 2020).

Eżercizzju: Persuna li tbati mill-fibromyalgia ssibha iktar diffiċli tagħmel eżerċizzju, pero dan jista jgħin biex il-ġisem ma jibbiesx. Eżerċizzju ħafif bħal yoga ħafif, jew xi għawma ġo pool msaħħan jistgħu jgħinu ferm (“Fibromyalgia | the painclinic”, 2020).


Stress: L-istress iżid ir-rispons tal-uġiegħ fil-ġisem u jiggrava is-sintomi tal-marda. Importanti li ssib il-ħin biex tirrilassa u tistrieħ. Importanti li l-istress jiġi kkontrollat b’mod produttiv (“Fibromyalgia | the painclinic”, 2020).

Nies illi għandhom din il-marda xi kultant jista’ jkun li ħaddiħor jaħsibhom qegħdin jgħaġġbuhom, jew li qegħdin jeżageraw meta jesprimu l-uġiegħ tagħhom. Pero dawn in-nies mhux għax huma qansħi, izda l-marda hija moħbija fil-ġisem u ma tkunx taf biha. Jekk nafu lil xi ħadd li għandu  fibromyalgia, ejja nkunu hemm għalijhom billi noffru l-għajnuna tagħna fejn hemm bzonn.

Referenzi:
Fibromyalgia | the painclinic. Painclinic.com.mt. (2020). Retrieved 25 March 2020, from http://www.painclinic.com.mt/fibromyalgia/.
(COVID-19), C., Health, E., Disease, H., Disease, L., Management, P., & Conditions, S. et al. (2020). What Is Fibromyalgia?. WebMD. Retrieved 25 March 2020, from https://www.webmd.com/fibromyalgia/guide/what-is-fibromyalgia#1.

Becky Faenza is one of the Triage Officers that form part of the Triage Team with Willingness. She is a University graduate, with a B.A Degree in Philosophy and Psychology, and also a Higher Diploma in Psychology (H.DIP).