Reading Time: < 1 minute

Nibda biex nawguralkom, f’isem il-kollegi tiegħi u f’ismi, sena mimlija ferħ, paċi, ġid, u mfawwra b’affarijiet sbieħ.

Mix-xahar id-dieħel nibda t-taħriġ tiegħi fl-isptar ta’ Ruma man-nies transġender li jkunu qegħdin iħejju biex jaqilbu s-sess tagħhom. Kelli nagħmel ħafna riċerka biex nħejji ruħi sew għal din it-tieni esperjenza tiegħi f’dan il-kamp tas-sesswoloġija wara dik ġewwa Padova. Ninsab tassew ħerqan għax nemmen li kull esperjenza li jkollna fil-ħajja, kemm jekk sabiħa, kif ukoll jekk kerha, hija okkażjoni biex nkomplu nikbru bħala persuni umani. Jiena u naħseb għedt kemm huwa interessanti u affaxxinanti kif Conchita Wurst sfidat il-ħsibijiet tagħna dwar is-sesswalità, l-isterjotipi tagħna, il-valuri u l-ideat ta’ dak li naħsbu li huwa raġel u dak li huwa mara. Indirettament immotivatna naħsbu dwar id-differenza bejn is-sess u l-ġeneru kif ukoll dak li joqgħod taħt blu u dak li joqgħod taħt roża. Ħafna ppruvaw jagħtu  tikketta bħal ngħidu aħna xi tip ta’ klassifikazzjoni psikoloġika jew psikjatrika. Madankollu, Conchita rebħet il-Eurovision Song Contest 2014, u ppreferiet li ma tidentifikax ruħha strettament ma’ wieħed miż-żewġ ġeneri, kif aħna mdorrijin li nagħmlu.

Sakemm terġgħu tisimgħu mingħandi, nawguralkom ħafna saħħa.